Bosta huma dawk li ma jistgħux jemmnu bl-aħbar u li qed jesprimu d-dispjaċir tagħhom għat-telfa ta’ Nick Agius, żagħżugħ ta’ 27 sena, residenti Raħal Ġdid, li lbieraħ tilef ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq Reġjonali, ilbieraħ filgħaxija.
Minn investigazzjonijiet preliminari li saru mill-Pulizija tad-Distrett tal-Imsida, jidher li għal xi raġuni l-ġuvni li kien qed isuq mutur tat-tip Honda CB, tilef il-kontroll u baqa’ dieħel ġo ħajt. Passiġġiera fuq l-istess mutur kien hemm tfajla ta’ 24 sena, residenti r-Rabat. Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ħa lit-tfajla l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iżjed tard ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi iżda mhux fil-periklu li titlef ħajjitha.