Fost il-komunità ta’ Puttinu Cares u ħafna nies li kienu jafuh teżisti dieqa kbira għall-mewt ta’ Thomas Galea, pazjent li rċieva l-għajnuna tal-istess fondazzjoni u li fl-aħħar snin spikka għal kuraġġ tiegħu minkejja l-marda li kien qed jiffaċja.
Għal sentejn Thomas kien ġej u sejjer l-Ingilterra għall-kura u kien jgħix fl-appartamenti ta’ Puttinu fejn kemm –il darba spikka għall-mod kif kien jgħid il-pazjenti l-oħra partikolarment dawk li jkunu telgħu għall-ewwel darba. Saħansitra kien jieħu l-pazjenti dawra maż-żona biex jgħinhom jifhmu x’hemm u d-direzzjonijiet saħansitra sal-isptar. Meta kien intervistat dwar hekk minn Television Malta kien qal: “Tħossok tajjeb tkun taf li għent Malti bħalek biex ikollhom inqas dwar xix jinkwetaw.”
Fuq kollox Thomas ma kienx juri biss it-triq li kienet twassal minn post għall-ieħor, iżda kien juri wkoll it-triq tal-kuraġġ f’mumenti diffiċli għal ħafna pazjenti.