“Li kieku ma kienx għal pajjiżi li ħoloq dan is-settur tal-gaming, kieku minix fejn qiegħed illum.” Dan kien il-ħsieb, li qasam magħna, il-moħħ wara SiGMA Europe, Eman Pulis, f’intervista esklussiva ma’ ONE News b’mod virtwali.
Hu wkoll jesprimi l-ideat tiegħu wara diċenju ta’ suċċess f’din il-konferenza fis-settur tal-gaming, li spiċċat espandiet b’mod sinifikanti madwar id-dinja.
Fil-fatt Pulis spjega kif qed ibassru li l-2025 se tkun sena rekord u se tkompli tħalli l-frott tagħha f’dan ir-rigward.
“Il-kumpanija ilha għaxar snin għaddejja, kuntent immens bir-riżultati li qed inkomplu nġibu kull sena u ma waqafniex hawnhekk, sewwa, it-tkabbir tal-kumpanija għadu għaddej b’saħħtu u nistenna li fl-2025 ħa jkollna record year sabiħ immens ukoll.”
EMAN PULIS
Pulis tkellem magħna dwar il-possibilità li f’Malta jkollna expocentre state of the art fejn id-delegati, li jiġu f’pajjiżna, jingħaqdu f’post wieħed b’faċilitajiet esklussivi.
Hu jispjega li kull organizzatur marbut ma’ dan is-settur ikollu bżonn jikri bejn erba’ mija u ħames mitt kamra għad-delegati u, fil-każ ta’ Malta, l-ammont ta’ delegati din is-sena kien ta’ seba’ u għoxrin elf.
Għalhekk, b’expocentre, l-organizzaturi Maltin ikunu jistgħu jikkompetu ma’ pajjiżi ferm akbar minn tagħna b’għodod b’saħħithom.
“Malta wasal iż-żmien li napprezzaw li jixirqilha state of the art expocentre, li minkejja li hemm concession għal waħda, qatt ma kien hemm l-impenn li tinbena waħda. Biex isir investiment għal expocentre jeħtieġ li din il-concession ikollha magħha wkoll, ancillary services. Jiġifieri jekk ħa jkun hemm hotel magħha, jekk ħa jkun hemm catering facilities magħha, nies bħalna li huma mis-settur ħa jkunu jistgħu joħorġu lil hinn minn pajjiżna, jitkellmu ma’ dawn il-mijiet, eluf ta’ konferenzi li huma b’saħħithom ħafna u nikkompetu b’mod tajjeb ħafna.”
EMAN PULIS
Sadanittant irrimarka kif l-importanza ta’ din il-konferenza ma tibqax biss fis-setturi immirata għalihom, iżda l-vantaġġi tagħha wkoll qed jinħassu minn diversi oqsma lokali oħrajn.
Però, bis-saħħa t’hekk, is-settur tal-gaming qed jara mijiet ta’ impjiegi ġodda fis-sena.
“Jirrealizzaw kemm l-MGA u Gaming Malta ħolqu ekosistema tajba u, permezz tal-fiera SiGMA, dawn jiġu u jispiċċaw iħallu uffiċċju f’Malta. Jiġifieri n-numru ta’ jobs li qed jinħolqu wara l-fiera minn kumpaniji li jixtieq jistabbilixxu f’Malta hu fil-mijiet.”
EMAN PULIS
Waqt l-intervista, Pulis tkellem ukoll dwar il-ġejjieni ta’ SiGMA, speċifikament sena oħra meta se tkun qed issir fix-xahar ta’ Settembru, għal numru ta’ raġunijiet.
“Il-fiera tixtieq tikber aktar minn hekk u s-soluzzjoni kienet li mmexxuha għal Settembru. Ġewwa ma nistgħux nikbru, imma barra nistgħu nkomplu nkabbruha. Ma jkunx hemm skola dak iż-żmien, jiġifieri t-traffiku se jgħin ħafna u f’Settembru jkun hawn ħafna aktar flights u għalhekk lilna dik ħa tgħinha.”
EMAN PULIS
Fl-aħħar, il-Kap Eżekuttiv ta’ SiGMA Europe esprima kemm hu grat lejn art twelidu li ħolqot settur kruċjali bħal dan.
“Jiena nibqa’ ma’ pajjiżi midjun għal għomri, għax li kieku ma kienx għal pajjiżi li ħoloq is-settur tal-gaming, kieku jiena m’għandix il-konferenza li għandi llum, kieku m’iniex fejn qiegħed illum. Jiġifieri b’idejja fuq qalbi ngħid li nibqa’ midjun għal għomri ma’ Malta u l-intenzjoni hi li nżommu il-fiera f’Malta u fejn nistgħu nkabbru, inkabbru.”
EMAN PULIS