Għalkemm f’dawn l-aħħar jiem rajna ħafna xita, nafu li x-xita hija normali għal dan iż-żmien tas-sena. L-Uffiċċju Metereoloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ikkonferma ma’ ONE news li f’Novembru 2021, tkejlu 148.6mm ta’ xita, liema ammont huwa simili għal dak imkejjel f’Novembru 2022 s’issa – jiġifieri 147.4mm xita imkejjla f’Ħal Luqa.
Spjegaw magħna li pressjoni baxxa fuq il-Baħar Jonju mhux biss qed tkopri l-Gżejjer Maltin u l-Libja, iżda wkoll Sqallija u Calabria kollha, fl-iktar parti tan-nofsinhar tal-Italja.
Din l-instabilità qed timxi lejn il-Lvant, u b’hekk qed jitbassar temp sabiħ għall-Gżejjer Maltin għall-ewwel jum ta’ Diċembru. Xi ħalbiet tax-xita mistennija fit-tieni jum ta’ Diċembru, jiġifieri nhar il-Ġimgħa, iżda qed ikun imbassar temp sabiħ għall-jiem li ġejjin.
It-temperatura medja f’Novembru 2022 (sal-lum) hija ta’ 18.4°C – simili għall-medja rreġistrata f’Novembru fis-snin preċedenti. It-temperatura medja għal Novembru 2021 kienet 18.2°C.