Diċembru li għadda kien xahar pjuttost tajjeb għan-negozji Maltin u Għawdxin anke f’kuntest ta’ pandemija, tant li rnexxielhom jilħqu l-aspettattivi tagħhom anke jek kellhom jadattaw xi ftit.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji Abigail Mamo, spjegat ukoll li kien hemm setturi partikolari li raw saħansitra titjib fuq is-sena ta’ qabel.
Hija spjegat: “Rajna ħafna konsumaturi wkoll li baqgħu id-dar u bdew jinvestu fid-dar tagħhom. Rajna li negozji ta’ affarijiet tad-dar jew maitenance jew home improvements, raw titjib anke fuq is-sena l-oħra. Fuq l-2019, 2020 kienet aħjar għal dan is-settur ta’ negozju.”
Jidher ukoll li x-xahar tal-festi ra spinta fil-bejgħ online, xi ħaġa li kapaċi tagħti kuraġġ lin-negozjant li tul is-sena tal-pandemija investa biex jaqdi l-klijent xorta waħda.
Mamo sostniet: “Ix-xiri online żdied f’Diċembru u ovvjament kien xahar fejn in-nies jixtru aktar u kien hemm żieda fil-bejgħ online. Hija tajba għax in-negozji jkunu investew u ma jkunux għamluhom għalxejn. Raw xi ħaġa biex tagħmillhom il-kuraġġ u jkomplu jinvestu għaliex il-klijenti użawhom u sabuhom utli.”
In-negozji f’Għawdex marru saħansitra aħjar milli kien mistenni fil-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena hekk kif hu stmat li mal-25,000 persuna qasmu l-fliegu għall-gżira tat-3 għoljiet.
Dwar dan tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija Daniel Borg.
Huwa stqarr: “Jekk tieħu s-settur tal-akkomodazzjoni fejn jidħlu speċjalment is-self catering u l-hotels kien hemm ovvjament impatt pożittiv għax ħafna niex minflok iddeċidew li jqattgħu l-btajjel tal-bidu tas-sena barra minn Malta fejn ma setgħux ovvjament kellek influss kbir tas-suq domestiku.”
Spjega wkoll li kien hemm bidla fil-mod ta’ kif joperaw in-negozji u l-operaturi.
Borg sostna: “Kien hemm anke bidla kbira tal-mod kif qed joperaw l-operaturi tagħna fejn inti kellek anke operaturi li kienu motivati biex jittacklejaw suq barrani u matul dan ix-xhur bidlu l-offerti tagħhom għas-suq domestiku biex jadattaw għal dawn il-bidliet.“