Minkejja li x-xahar ta’ Diċembru jimmarka l-bidu tal-istaġun tax-xitwa, l-aħħar xahar tal-2023 kien ikkaratterizzat minn temp pjuttost xott u b’temperaturi aktar sħan min-norma.
Fil-fatt, matul ix-xahar li għadda tkejlu 52.5 millimetru ta’ xita, jiġifieri 32.3 millimetru inqas min-norma klimatika.
Din l-informazzjoni kienet ppubblikata mill-Uffiċċju Metereoliġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li ta ħarsa lejn it-temp fil-gżejjer Maltin matul Diċembru.
Intqal li dan it-temp xott iddomina matul ix-xahar ta’ Diċembru kollu, inkluż żmien il-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Fil-fatt, it-temperatura medja għax-xahar li għadda kienet dik ta’ 15.9°C, jiġifieri 1.4°C aktar min-norma klimatika. B’mod partikolari t-tieni jum ta’ Diċembru kien l-aktar wieħed sħun tax-xahar bl-ogħla temperatura dakinhar telgħet sa 23.4°C.
L-Uffiċċju Meteoroloġiku nnota li minkejja dan, ir-rekord għal Diċembru għadu dak tal-ħamsa ta’ Diċembru fl-1963, meta l-ogħla temperatura kienet ta’ 24.3°C.
Mill-banda l-oħra, l-iktar temperatura baxxa matul Diċembru li għadda niżlet għal 10.3°C fit-tmien u s-sittax-il jum tax-xahar.
L-aktar lejl kiesaħ ta’ Diċembru, miktub fir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku, kien l-aħħar jum tal-2014 meta ftit qabel it-tokki ta’ nofsilejl, it-temperatura kienet niżlet għal 2.8°C.
Diċembru kien ukoll aktar mudlam min-norma b’temp imsaħħab.
It-tnax ta’ Diċembru kienet l-aktar ġurnata xemxija meta tkejlu 8.7 sigħat xemxin, filwaqt li t-tmintax tax-xahar kien l-aktar jum imdallam.
Jekk Diċembru ġab miegħu ġurnata waħda biss ta’ maltemp bis-sajjetti, mhux l-istess jista’ jingħad għar-riħ, bix-xahar li għadda jkun aktar mirjieħ min-norma klimatika. Fil-fatt, il-medja tal-qawwa tar-riħ laħqet id-9.9 knots, jiġifieri 0.8 aktar min-norma.