L-2016 kienet il-ħames l-aktar sena xotta mill-1923 ’l hawn. Għalkemm is-sena bdiet b’temperaturi kesħin u żewġ istanzi ta’ silġ f’Jannar, din spiċċat fuq nota aktar sħuna, b’Diċembru jirreġistra temperaturi li kienu kemxejn ogħla mill-medja.
Ħarsa ħafifa lejn it-temp li kkaratterizza l-2016 turi li matul is-sena li għaddiet it-temperaturi varjaw bejn minimu ta’ 5.9°C u massimu ta’ 37.5°C.
It-temperatura medja tal-baħar f’Diċembru kienet ta’ 18.9°C u waqgħet bejn it-temperatura medja l-aktar sħuna milħuqa f’Awwissu— 25.7°C — u dik l-aktar kiesħa rreġistrata f’Marzu — 15.9°C. It-temperaturi tal-arja għal Diċembru wkoll kienu pjuttost sħan u, fil-fatt, żammew medja ta’ 17.1°C tul ix-xahar.
Dawn it-temperaturi sħan mhux dejjem kienu akkumpanjati mix-xemx. Fil-fatt, ix-xemx ma ħarġet xejn f’erbat ijiem f’Diċembru. Barra minn hekk, b’151.6 siegħa ta’ xemx irreġistrati, Diċembru kien kemxejn anqas imdawwal milli mistenni għal dan iż-żmien tas-sena.
Fl-2016, ix-xahar li fih ix-xema ħarġet għall-anqas sigħat – 150.1 siegħa – u li matulu niżel l-akbar ammont ta’ xita – 90mm – kien Novembru. F’dan ix-xahar kien hem ukoll 11-il ġurnata li fihom nstema’ r-ragħad minn total ta’ 28 istanza ta’ ragħad li ġew irreġistrati tul is-sena.
Min-naħa l-oħra, Lulju kien l-aktar xahar imdawwal u xott, fejn ix-xemx ħarġet għal total ta’ 370.8 siegħa u niżlu biss 0.4mm ta’ xita. It-temp tul dan ix-xahar kien kalm, bid-dejta meteoroloġika tindika li r-riħ nefaħ b’veloċità medja ta’ 7.2 knots. B’kuntast ma’ dan, April kien xahar li laqqat ħafna riħ, fejn il-buffuri laħqu veloċità medja ta’ 10.9 knots.
F’Diċembru niżlu 44mm ta’ xita anqas mill-104.8mm mistennija għal dan iż-żmien tas-sena u b’hekk dan ixxahar ġab fi tmiemha sena kkaratterizzata minn nuqqas ta’ xita. L-2016 fil-fatt kienet il-ħames l-aktar sena xotta fuq ir-rekords mill-1923, bl-ammont totali tax-xita jilħaq 324.8mm biss.