Fid-dibattitu bejn il-mexxejja tal-Awtorità tax-Xandir, il-Prim Ministru Robert Abela spjega x’ifisser l-ambjent fil-viżjoni tiegħu.
“Għax l-ambjent għalija jfisser l-art, ifisser l-ajru – l-emmisjonijiet fl-arja u tfisser ukoll il-baħar tagħna. Insemmi proġetti bħal dak tax-shore-to-ship, illi bdejna fih fil-Port il-Kbir fejn ħa niżguraw li r-residenti tal-madwar se jkollhom arja aktar nadifa, għax jintfew il-magni tal-bastimenti li jkunu hemmhekk. Dak il-proġett issa jista’ jiġi estiż, u se jiġi estiż. Anzi ħabbarna x-xogħol diġà fil-Malta Freeport. Għall-Freeport, għar-residenti tal-Ħames Distrett, għan-nies ta’ Birżebbuġa, il-Partit Nazzjonalista minn Bengħajsa kellu l-viżjoni li jestendi l-Freeport. Aħna minn Bengħajsa, tajna park lill-familji tagħna. Mhux qed ngħid li l-Freeport m’għandux jiġi estiż, imma testendih ’il barra, testendih bi proġett ta’ reklamazzjoni tal-art li jiena nemmen fih, mhux testendih billi tieħu u tisraq art verġni mingħand il-poplu tagħna.”
il-Prim Ministru Robert AbelaREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Dr Abela nnota x’għamel il-Gvern meta żamm ma’ wegħdi elettorali biex ta lura lin-nies l-art taż-Żonqor u pproteġa Ħondoq ir-Rummien minn żvilupp li ried jagħmel Gvern Nazzjonalista.
Bernard Grech spiċċa jattakka l-pencil development, dak li żviluppa l-kandidat tiegħu stess, Peter Agius.
“Semma l-pencil development il-Kap tal-Oppożizzjoni, hi ħasra li Peter Agius donnu ma fehmux il-messaġġ tiegħu.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Kap tal-Oppożizzjoni spiċċa jitkellem fuq l-accounts tal-partit tiegħu, li baqa’ ma ddikjarax, skont il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti, bil-Prim Ministru jinnota l-fatti dwar in-nuqqas ta’ deċiżjonijiet li Grech jieħu.
“Imma trid iż-żmien hu qallek, erba’ snin biex sab l-awditur – sibtu issa jiġifieri l-awditur jew għadek qed tfittxu? Jiġifieri erba’ snin biex jagħmel sett sempliċi ta’ kontijiet tad-donazzjonijiet, ma nimmaġinax li għandhom xi donazzjonijiet illi wieħed hu daqstant diffiċli f’erba’ snin ma jlestix il-kontijiet, aħseb u ara kieku nhar is-Sibt, kellu jingħata vot ta’ fiduċja biex jieħu d-deċiżjonijiet strateġiċi dwar dan il-pajjiż, kemm idum jaħsibha biex jieħu deċiżjoni. Jekk hu f’qagħda li jieħu deċiżjoni, għax aħna nafu li l-fiżjonomija ta’ kif jaħdem il-Partit Nazzjonalista hi waħda fejn imexxu n-nies mhux eletti u d-deċiżjonijiet jittieħdu minn wara il-kwinti.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru rrimarka kif Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista riedu jtellfu l-fondi Ewropej lil Malta u jużaw l-għodda kollha kontra pajjiżna.
Dr Abela żied jgħid li, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista favur nefqa militari, hu favur investiment soċjali.
“Jekk irridux Ewropa ta’ paċi, jew Ewropa ta’ gwerra, li trid timxi fiha l-Oppożizzjoni bħala parti mill-familja EPP. Jekk irridux Malta ta’ awsterità, li trid l-Oppożizzjoni, jew Malta ta’ sostenn inċentiv u investiment, li rridu aħna. Jekk tridx is-sostenn fil-qasam tal-enerġija, dak li tajna aħna fl-aħħar snin u li se nibqgħu nagħtu, għal għażla li qed joffri l-Kap tal-Oppożizzjoni li jogħla l-prezz tas-suq internazzjonali. U f’dan l-aħħar xhur, għola b’mod qawwi immens u jogħla dak ta’ hawn ukoll. Qal li jekk irridux li sa Ottubru li ġej u lil hinn minn hekk inżommu fis-seħħ l-iskema stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel jew, hekk kif trid l-Oppożizzjoni, inneħħu dik l-iskema ta’ stabbiltà tal-prezzijiet tal-ikel. Jekk irridux Gvern li joffri is-soluzzjonijiet, għal Oppożizzjoni li toħloq il-qtigħ il-qalb.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru temm id-dibattitu dwar viżjoni favur Malta dejjem.
“Għalina Malta tiġi l-ewwel, intom tiġu dejjem l-ewwel. Għalina l-poplu, il-prijoritajiet tal-poplu, l-aspettattivi tal-poplu, l-aspirazzjonijiet tal-poplu, dejjem jiġu l-ewwel. Għalihom, aħna se nibqgħu naħdmu ta’ kuljum b’ħafna u ħafna saħħa u, għalhekk, li nitlobkom li tisilfuni mill-ġdid il-mandat ta’ fiduċja tagħkom, ħalli dik il-fiduċja tagħkom, ħalli dik il-ħidma dejjem tibqa’ għaddejja bis-saħħa ’l quddiem. Għalhekk is-saħħa lill-Għawdxin, is-saħħa lill-Maltin.”
il-Prim Ministru Robert Abela
AQRA WKOLL: