Il-Prim Ministru Robert Abela, bil-fatti f’idejh u bid-dettalji kollha jippreżentahom lill-poplu, u l-Kap tal-Oppożizzjoni għal siegħa u kwart sħiħa jxejjer il-cuttings u l-karti filwaqt li jxerred il-miżinformazzjoni. Dan fid-dibattitu bejn il-mexxejja, l-aħħar wieħed organizzat mill-Awtorità tax-Xandir f’din il-kampanja elettorali.
Bilkemm kienet għaddiet kwarta mid-dibattitu, li Bernard Grech ma ridx anke jgiddeb saħansitra lilu nnifsu dwar is-sussidju fuq l-enerġija.
Grech qal, “Sussidji. Gidba li ilu jipperpetwa għal dawn l-aħħar xhur. Saqsejtu – Għidli fejn għedtha?”
Id-dikjarazzjonijiet ta’ Grech kontra l-għajnuna tal-Gvern fuq l-enerġija jafhom kulħadd.
Grech qal, “Li tibqa’ tissussidja l-enerġija żgur li mhijiex l-aktar għażla sostenibbli.”
Dan filwaqt li l-ġurnalist staqsih, “Fl-Ewropa qed naraw li l-prezzijiet tal-elettriku u l-fuels qed jogħlew, u hawn kriżi tal-enerġija u l-gass, kemm inti mħasseb dwar dan?”
Grech wieġeb, “L-ewwel ħaġa rigward il-prezzijiet, meta l-prezzijiet bħalma ġara fl-2008, fl-2009, u 2010, u 2011, u 2012, jogħlew internazzjonalment, jogħlew għal kulħadd.”
Il-Prim Ministru nnota l-problema ta’ kredibbiltà tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Abela qal, “Qed ikompli jagħfas fuq l-aktar punt li jbati minnu, in-nuqqas ta’ kredibbiltà. L-ewwel wieħed illi jgħidlek li, f’dawn l-aħħar xhur, kellu politika konsistenti bħal tagħna fil-qasam tal-enerġija u li qatt ma qal illi jogħla l-prezz tas-suq internazzjonali taż-żejt, u ma jogħliex f’Malta. Bil-kontra qal, jogħla l-prezz internazzjonali taż-żejt, jogħla f’Malta. Qiegħed on record.”
Grech staqsa, “Għidli fejn għedtha?”
Il-Prim Ministru qal, “Qiegħed on record. Hemm konferenza stampa.”
Grech qal, “Għidli fejn għedtha!”
Il-Prim Ministru Robert Abela kien b’saħħtu fuq dak kollu li għaddej fil-pajjiż. Minn investimenti għal qagħda fiskali tal-pajjiż.
Il-Prim Ministru qal, “Fil-kampanja veru kienu assenti, imma lanqas kienu qed isegwu x’qed ninawguraw aħna bħala investimenti. L-investiment multi-miljunarju tal-ST, fejn hemmhekk dak l-investiment ta’ IPCIE, jiġifieri importanti Project for Common European Interest, irnexxielna biex morna niġru barra minn pajjiżna, morna fil-headquarters tal-ST, u rnexxielna nirbħu lil pajjiżi oħrajn u nġibu dak l-investiment f’pajjiżna, investiment fiċ-chips hawnhekk, jiġifieri l-Unjoni Ewropea tagħmel l-EU Chips Act, għax proprju trid tenfasizza l-importanza ta’ dan s-settur, u aħna nġibu l-fabbrika ta’ manifattura ta’ dawk iċ-chips hawnhekk f’pajjiżna. Il-Baxter, is-settur tal-apparat li jintuża fil-farmaċewtika, fil-mediċina, espansjoni qawwija li rnexxielna nwassluha. Il-GIMAS, l-investiment li inawgurajna ftit tal-jiem ilu, investiment fil-qasam tal-produzzjoni tal-parts li jintużaw fit-turbini tar-riħ li jiġġeneraw l-enerġija rinnovabbli.”
Spjega kif, “Din li din il-miżinformazzjoni ma tiġix imwieġba – semma l-kwistjoni ta’ din iva, il-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq id-dejn meta aħna, id-dejn ta’ pajjiżna llum il-ġurnata, ir-rata ta’ dejn ikkomparata mal-Prodott Gross Domestiku hi waħda mill-aqwa fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri waħda mill-inqas. L-istatistika turik b’mod ċar, kuntrarjament għal dak li sibna fl-2013, fejn dan il-pajjiż, b’ekonomija mkissra, bi tmint elef ruħ qegħda, daħħluh fi proċedura dwar defiċit eċċessiv meta llum aħna għandna r-rata tad-dejn tagħna, fejn dak iż-żmien kienet ta’ 70%, illum taħt sew il-55%.”
Quddiem l-argumenti sodi tal-Prim Ministru, Bernard Grech ma kellux tweġibiet, għajr li jgħid li l-ġid sar biss bis-saħħa tiegħu.
Grech qal, “Is-siġar ta’ setturi finanzjarji u ekonomiċi li bnejna aħna mill-Oppożizzjoni – mill-Gvern.”
Mhux biss kompla jxejjer il-karti, iżda Grech infixel għal diversi drabi f’dibattitu li n-negattività ħarġet bil-bosta minn fommu.
Grech qal, “Il-Ministru tiegħu, insomma eks Ministru tiegħu, Ian Borg – bħala Membru Parlamentari, bħala Membru Ewropew – jgħidilna negattivi – aħna qiegħdin nkunu negattivi?! Jgħidilna negattivi u ħa jgħidilna li aħna negattivi.”
Dr Abela qal, “Il-Kap tal-Oppożizzjoni se jagħlaq l-intervent tiegħu billi qal li se ngħid li huma negattivi, dak qalha huwa stess.”
Tul id-dibattitu, imbagħad, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar l-esperjenzi tan-nies.
Il-Prim Ministru qal, “Is-saħħa li rridu nibqgħu nagħtu lil Jean Loyd, żagħżugħ ta’ 17-il sena li ltqajt miegħu l-ġimgħa li għaddiet meta inawgurajna l-investiment tal-EasyJet, żagħżugħ li ta’ 16-il sena beda jistudja l-MCAST, iggradwa, lesta l-kors tiegħu u llum ta’ 17-il sena, jaħdem fuq l-istruttura tal-ajruplani. Mela ma’ Jean Loyd, irridu nfasslu t-tisħiħ tal-viżjoni tagħna biex aktar kumpaniji tal-avjazzjoni jiġu jinvestu ġewwa pajjiżna. Diskussjoni tant sabiħa li kellna fit-townhall event tal-Marsa ma’ Ivan, li tkellem magħna dwar kif irridu naħsbu biex insaħħu is-settur sportiv li jimmilita fih dak tal-OCR. Hemmhekk dik id-diskussjoni tant importanti ta’ kif aħna se nibqgħu ninvestu fl-isport. Id-diskussjoni l-oħra li kellna fit-townhall event fejn iddiskutejna l-festa Maltija – kif ħa nkomplu nsaħħu t-tradizzjonijiet Maltin. Diskussjoni li kellna ma’ anzjana li ġiet fil-Kabinett tan-nies u li qaltilna li dieħla fil-perjodu tal-anzjanità, daħlet b’biża’ li se jkun perjodu ikrah f’ħajjitha, u li llum qiegħda tesperjenza l-isbaħ perjodu f’ħajjitha, għax saħħaħna s-servizzi fil-komunità – hi tħossha valutata mill-pajjiż b’mod ġenerali, tħoss li għad għandha valur x’tikkontribwixxi fis-soċjetà tagħna – u għalhekk issa, hi wkoll tista’ tħares ’il quddiem.”