Id-dibattitu bħala parti mill-Kampanja Elettorali Presidenzjali favur il-kisba tal-White House fl-Istati Uniti, kompla jikkonferma d-dubji kbar fuq il-kapaċità fiżika tal-President Joe Biden li jkun fdat għal terminu ieħor.
Id-dibattitu bejn l-Eks President Amerikan Donald Trump u Joe Biden sar il-Ħamis filgħaxija u kien imħejji u mmoderat minn Jake Tapper u Dana Bash tas-CNN.
Fil-fatt, mal-mument li l-President Amerikan Biden beda jitkellem komplew jiġu kkonfermati d-dubji dwar saħħtu hekk kif mal-ewwel beda jitlef leħnu.
Tant li t-tim tal-kampanja tiegħu f’nofs id-dibattitu sostna li l-President kien jinsab ma jiflaħx.
Ħafna kienu dawk li kkummentaw u kkritikaw il-mod ta’ kif Biden wassal il-messaġġ tiegħu b’ħafna drabi saħansitra ma jinfthiehemx.
Trump innota dan ukoll tul id-dibattitu.
Ma naqsux ukoll l-attakki min naħa ta’ Joe Biden kontra Trump b’rabta mal-akkużi kriminali li nstab ħati tagħhom.
Apparti minn hekk Biden attakka lil Trump ukoll dwar l-involviment tiegħu b’rabta mar-rewwixta li saret f’Capitol Hill fis-6 Jannar tal-2021.
Intant, il-mezzi soċjali wara d-dibattitu kienu ddominati minn siltiet taż-żewġ kandidati jillatikaw fuq l-abbiltajiet tagħhom fl-isport tal-golf.
Dan anke biex ħareġ il-kuntrast bejn il-prijoritajiet taż-żewġ politiċi Amerikani mal-veri sfidi li qed jiffaċċja l-poplu Amerikan.