Dibattitu fqir u bla viżjoni lejn il-ġejjieni tal-pajjiż.
Hekk iddeskrivew id-dibattitu tat-Tlieta bejn Adrian Delia u Bernard Grech, il-Ministru Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li bejn il-Kap Nazzjonalista attwali Adrian Delia u l-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busutill, Bernard Grech ma hemm l-ebda għażla.
Il-Ministru Schembri qal li flok viżjoni għall-pajjiż, kull ma ħareġ minn dan id-dibattittu kienet il-firda bejn iż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista.
“Ilbieraħ, il-poplu Malti setgħa jinnota li flok dawn ippreżentaw il-viżjoni tagħhom biex iġibu t-tama lil dak li jkun jemmen fil-Partit Nazzjonalista, wera’ li dawn għandhom aktar firda bejniethom, iktar intenzjonati minn ħa jniġġeż lil min l-iktar flok joffru s-soluzzjonijiet. Hawnhekk joħroġ il-faqar kbir ta’ ideat u viżjoni li għandu l-Partit Nazzjonalista” Stqarr il-Ministru Schembri.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li sabiex dan id-dibattitu tat-Tlieta sar kien hemm diversi kwistjonijiet fosthom l-allegazzjoni ta’ Delia li t-tim ta’ Bernard Grech żam lura milli ż-żewġ kandidati jiddibattu kontra xulxin.
Intqal ukoll kif dan id-dibattitu ma sarx f’waqtu hekk kif nofs it-tesserati eleġibbli li jivvutaw għall-Kap Nazzjonalista diġa vvutaw.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi sostna, “Mid-dibattitu tal-ilbieraħ ħareġ kemm hemm nuqqas ta’ viżjoni min-naħa taż-żewġ kontendenti għall-kariġa ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista, nuqqas ta’ proposti li dan jikkontrasta bi kbir mal-ħidma l-kbira li qed titwettaq min naħa tal-Gvern biex inkomplu negħlbu l-isfidi, nippreparaw il-pajjiżna għal futur u fuq kollox naraw illi l-familji u n-negozji tagħna jkomplu jimxu ‘l quddiem.”