Malta isbaħ b’opportunitajiet għal kulħadd.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li kkaratterizza l-interventi tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fid-dibattitu bejn il-mexxejja tal-partiti politiċi f’pajjiżna ġewwa l-Università ta’ Malta.
Propju quddiem Sala Sir Temi Zammit mimlija daqs bajda minn studenti ħerqana sabiex jisimgħu x’għandhom xi jgħidu l-mexxejja ta’ pajjiżna, Dr Abela beda billi faħħar l-impenn tagħhom fl-aħħar xhur u snin li wassal għal bidliet f’pajjiżna.
“Il-kontribuzzjoni li tajtu għall-White Paper tal-kannabis li waslet biex dak li pproponejtu intom, daħal fl-abbozz. U mela tastjeni fuq riforma tant importanti? U għalhekk tliet prijoritajiet għall-futur – kwalità tal-ħajja, opportunitajiet aħjar għal kulħadd u Malta isbaħ.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Tul id-dibattitu ddominaw bosta mistoqsijiet fosthom dawk dwar l-ambjent. Hawnhekk, il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-ħidma li saret mill-Gvern fl-aħħar xhur. Madankollu tenna li għad fadal ħafna x’isir hekk kif fakkar ukoll fil-pjan tal-Gvern ta’ €700 miljun favur aktar spazji miftuħa u ġonna pubbliċi fil-qalba tal-irħula Maltin u Għawdxin.
“Insemmi l-proġett ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq, minn miżbla ħloqna park għall-familji. Insemmi l-Qortin Għawdex, minn miżbla ħloqna park għall-familji, imma dan mhux biss għaliex l-iżvilupp huwa biss parti. Għandek elementi oħrajn – it-tnaqqis fl-emissjonijiet, ara xi ħadd jaħseb li nistgħu nevitaw it-tema tat-tibdil fil-klima.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Fuq l-ambjent ta’ pajjiżna ġiet diskussa wkoll il-gżira Għawdxija hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-miri ambizzjużi li għandu u li jaħdem biex jiġu implimentati jekk jingħata l-fiduċja.
“Nemmnu li l-gżira Għawdxija kienet, għadha u se tibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tagħna imma l-ikbar ambizzjoni li għandi għal Għawdex hija li Għawdex jiġi climate neutral qabel Malta. Għandna dik l-ambizzjoni, se naslu.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-mexxejja politiċi ġew ukoll mistoqsija dwar bosta suġġetti oħra fosthom is-saħħa sesswali. Filwaqt li tenna l-proposti tal-Partit Laburista li għandhom x’jaqsmu ma’ dan is-suġġett u dawk li jolqtu wkoll il-qasam tal-IVF, Dr Abela rrimarka d-diskors insensittiv tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
“Imma s-soluzzjoni għal dak ma ssibhiex billi tgħid lin-nies li ma jistgħux isiru ġenituri jissieħbu mal-Partit Nazzjonalista għaliex ikun statement insensittiv ħafna u weġġajt ħafna nies meta tkellimt hekk. X’qegħdin inwiegħdu aħna? Illi fl-ewwel mitt ġurnata jekk ningħataw il-fiduċja, inwessgħu s-servizzi pprovduti fil-qasam tal-IVF li jinkorporaw fihom l-aħħar teknoloġija. Lin-nies mhux se ngħidulhom, le morru barra minn Malta u araw intom. Is-servizz irid jingħata f’Malta, b’xejn, u l-mediċina mill-ewwel ta’ Jannar se tkun qed tingħata b’xejn ukoll.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela temm id-dibattitu li fih intlaqa’ ferm miż-żgħażagħ bl-argumenti konviċenti u b’saħħithom, billi saħaq li ż-żgħażagħ għandhom għażla quddiemhom, dik għal futur isbaħ.
“Mhux se ngħidilkom ivvutaw Labour. Ngħidilkom biss, araw x’qed joffru ż-żewġ partiti. Iflu sew bejn il-proposti taż-żewġ naħat u ddeċiedu. Ivvutaw għal ambjent aħjar, ivvutaw għal kwalità ta’ ħajja aħjar, ivvutaw għal aktar ugwaljanza, ivvutaw għal soċjetà fejn ikollkom sehem minnha, ivvutaw għal aktar riformi, ivvutaw għal dak li temmnu huwa l-aħjar pjan, ħudu liema triq tixtiequ imma vvutaw għal Malta, ivvutaw għall-futur tagħkom.”
il-Prim Ministru Robert Abela