Waqt dibattitu fuq l-istazzjon nazzjonali, deher ċar id-double standard tal-establishment Nazzjonalista b’rabta mal-inkjesti pubbliċi f’pajjiżna.
Id-dibattitu kien jinvolvi l-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, flimkien mad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.
Dan b’reazzjoni għar-rapport bil-konklużjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-inċident f’sit industrijali f’Kordin, f’Diċembru tal-2022 u li fih tilef ħajtu Jean Paul Sofia.
Fil-fatt, waqt il-programm, telespettatur li kien qed isegwi, bagħat mistoqsija lill-preżentatur fejn irrimarkalu istanzi fejn kien hemm bżonn inkjesti pubbliċi f’pajjiżna wara inċidenti serji li seħħew taħt Gvern Nazzjonalista. Inkjesti pubbliċi li madankollu qatt ma saru.
Meta l-preżentatur staqsa dwar dan, Karol Aquilina deher kuntent bl-inkjesti maġisterjali li kienu saru, bil-Ministru Jonathan Attard pront jirrimarka r-riga differenti li tintuża taħt Gvern Nazzjonalista.
PREŻENTATUR: “Meta mietu 9 ħaddiema tad-dockyard u 3 ħaddiema tad-drenaġġ u meta persuna miet fil-kustodja tal-pulizija u l-kameras kienu mitfijin għaliex ma sarux inkjesta?”
KAROL AQUILINA: “Dik saret inkjesta.”
JONATHAN ATTARD: “Mhux pubblika u tlabna li tkun pubblika. Eh saret pubblika wara? Mela issa ma hemmx differenza bejn inkjesta interna u pubblika. Ara tajba issa din ta.”
Sadanittant, il-Ministru Attard kompla jsostni dan il-punt hekk kif irrimarka traġedji fejn qatt ma saru inkjesti pubbliċi, fosthom dik tas-Save-on f’Raħal Ġdid fl-1999, fejn kien sfronda saqaf ta’ supermarket b’riżultat li tilfu ħajjithom żewġ persuni u weġġgħu mat-30 persuna oħra.
B’differenza għal dan Attard irrimarka kif l-inkjesta pubbliċi saru biss taħt Gvernijiet Laburisti.
“L-inkjesti pubbliċi f’pajjiżna dejjem saru taħt Partit Laburista fil-Gvern. Għax aħna ma niddejqux. Jiġifieri ma kienx hemm bżonn lura fl-1999 fit-traġedja tas-Save-on u għamlu 25 sena jistennew il-ġustizzja fil-Qrati?”