Fl-aħħar xhur, l-għaqda Wirt Għawdex rċeviet diversi mistoqsijiet kemm mill-membri tagħha kif ukoll mill-pubbliku in ġenerali dwar il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-mina proposta biex tgħaqqad lil Għawdex u lil Malta.
Qabel mal-għaqda tieħu pożizzjoni formali dwar din il-proposta, se torganizza dibattu apolitiku dwar dan is-suġġett nhar it-Tnejn 18 ta’ Marzu 2019 fis-6.30pm fl-Oratorju Don Bosco, Ir-Rabat Għawdex (lejlet il-btala pubblika ta’ San Ġużepp).
Kelliema u persuni interessati kif ukoll rappreżentanti ta’ għaqdiet b’opinjonijiet differenti ġew mistiedna biex jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom u l-informazzjoni li għandhom dwar is-suġġett.
Hija l-intenzjoni tal-Għaqda Wirt Għawdex li dan id-dibattitu jservi biex jiġu mwieġba diversi mistoqsijiet li sa llum għadhom m’humiex ċari u biex tgħin lil dawk preżenti biex jiffurmaw opinjoni bbażata fuq informazzjoni korretta.
Fit-tieni parti tad-dibattitu, l-udjenza tkun tista’ tagħmel il-mistoqsijiet u l-kummenti tagħha. Kulħadd huwa mistieden biex jattendi u jipparteċipa fid-dibattitu.