Dibattitu dwar wieħed mill-aktar perjodi kontroversjali fl-istorja politika kontemporanja Maltija (1956-2004) se jsir lejlet Jum il-Ħelsien bis-sehem tal-istoriċi Mark Camilleri, Henry Frendo u l-ex Prim Ministru Alfred Sant. Id-diskussjoni se tiffoka fuq il-proposta tal-Integration tal-Prim Ministru Dom Mintoff u tinvestiga kinitx preludju għas-sħubija ta’ Malta fl-UE, 58 sena wara.
Il-proposta ta’ Mintoff għal-Integration mal-Gran Brittannja, approvata f’Referendum fl-1956 b’maġġoranza ta’ 77% minn 59.1% ta’ dawk li ħarġu jivvotaw, qatt ma ġiet implimentata. Dan wassal għar-riżenja ta’ Mintoff mill-Gvern fl-1958, l-Indipendenza fl-1964, it-tluq tat-truppi Ingliżi u r-Royal Navy fl-1979 u d-dħul ta’ Malta fl-UE fl-2004.
“Il-kwistjoni tal-identità nazzjonali hija marbuta ħaġa waħda ma’ dawk il-jiem storiċi li aħna nżommu bħala għeżież. Madanakollu—u hawn tinsab il-kibxa—mhux ilkoll kemm aħna naqblu liema minn dawn il-jiem huwa aktar importanti mill-oħrajn. Lanqas ma naqblu lkoll fuq liema, fost dawn il-kommemorazzjonijiet storiċi, għandna nagħtu l-ġieħ tal-aktar wieħed li jirrappreżenta l-karattru nazzjonali tagħna. Fi kliem ieħor, l-identità tal-poplu tagħna tidher li hi mħawda sew, aktarx ukoll bi traċċi kontradittorji fin-nofs. Minkejja li aħna rridu naħsbu li bħala poplu mxejna triq dritta u mwittija, jidher li l-mogħdija nazzjonali ħadet fil-fatt ftit tidwiriet mhux ħażin.” qalet SKS, id-Dar tal-Pubblikazzjoni li qed torganizza din l-attivita’.” qalet SKS, id-dar tal-pubblikazzjoni, li qed ittella’ din l-attivita’.
Dan kollu, u aktar, se jkun diskuss minn tliet min-nies interessanti li żgur li jtajru ftit xrar bejniethom: Mark Camilleri, il-kommunist sigriet b’ilsienu twil, Alfred Sant, il-bniedem li donnu għandu l-ħila jgħaddi min-nar mingħajr ma jinħaraq, u l-Prof. Henry Frendo, l-istoriku veteran li dejjem jaħseb li jista’ jagħti l-aħħar kelma fuq kollox. L-1955, l-1964, l-1958, l-1971, l-2004 … żgur li dawn id-dati se jkunu qed jintefgħu sabiex b’xi mod tinstab (kważi impossibbli) xi ħaġa fuqhiex naqblu.
Id-diskussjoni se ssir il-Ħamis, 21 ta’ Marzu 2019, mis-7.30 ta’ filgħaxija ’l quddiem, fil-Pjazza tat-Teatru Rjal, il-Belt Valletta, b’riċeviment wara. Il-laqgħa, immexxija minn Jackie Mercieca, tkun bil-Malti. Għaliha l-pubbliku ġenerali hu mistieden li jattendi u japparteċipa bil-mistoqsijiet u l-kummenti tiegħu. Il-parteċipazzjoni hija mingħajr ħlas.