Id-dibattitu bejn iż-żewġ kontestanti għal Kap tal-Partit Nazzjonalista ma xxandarx fil-jum tat-Tnejn.
Minflok ġie rekordjat u se jixxandar it-Tlieta filgħaxija.
Dan id-dibattitu bejn Adrian Delia u Bernard Grech kellu jitmexxa mill-ġurnalista tax-xandir nazzjonali Ruth Amaira iżda fi tmiem il-ġimgħa li għadda qam ġlied kbir bejn iż-żewġ kandidati tant li d-dibattitu spiċċa ma sarx kif pjanat.
Minflok id-dibattitu sar rekordjat u tmexxa mill-Assistent Editur tat-Times, Matthew Xuereb.
Inġibdet l-attenzjoni li dan sar wara li nofs it-tesserati diġà vvutaw fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Is-Sibt filgħodu, il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista kkundannat l-aġir ta’ Bernard Grech li kellem lill-ġurnalista tal-PBS dwar id-dibattitu.
Il-President tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, Peter Fenech ġie rappurtat jikkundanna lill-kamp ta’ Bernard Grech talli l-kamp ta’ Grech kellem lill-ġurnalista tax-xandir nazzjonali Ruth Amaira.
Fenech kien ikkonferma li xi ħadd mit-tim ta’ Grech kellem lil Amaira u saħaq li dan ma kellux isir u kellha tkun il-Kummissjoni Elettorali tal-partit li tavża lill-ġurnalista jekk tixtieqx tmexxi d-dibattitu bejn iż-żewġ kontestanti għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Aktar qabel, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia akkuża lit-tim ta’ Bernard Grech li avviċina ġurnalista tax-xandir nazzjonali sabiex jinfluwenza d-dibattitu.
Fi stqarrija uffiċjali, Delia beda billi spjega li t-tim ta’ Bernard Grech irreżista bil-qawwa biex ma jsirx dibattitu fil-kampanja tal-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Hawnhekk Delia fetħilha bil-qawwa kontra l-kandidat ta’ kontrih hekk kif akkuża lit-tim ta’ Bernard Grech li avviċina lil Amaira sabiex jipprova jinfluwenzaha.
Delia kkundanna l-aġir ta’ Bernard Grech, li wassal sabiex il-ġurnalisti ma jitħallewx fil-libertà jwettqu xogħlhom mingħajr indħil.
Intant ftit wara, Bernard Grech ċaħad l-akkużi ta’ Delia u qal li ma kien hemm ebda tip ta’ pressjoni fuq xi ġurnalista.
Madankollu qal li kien hemm kuntatt mil-kamp ta’ Grech ma’ Amaira.
Il-Ġimgħa filgħaxija ukoll, fi stqarrija, l-istazzjon nazzjonali qal li filwaqt li Ruth Amaira ġiet avviċinata biex tmexxi dibattitu hija qatt ma kkonfermat il-parteċipazzjoni tagħha f’dan id-dibattitu.