Bħala parti mill-istrateġija kontra l-kundizzjoni tad-dijabete, ġiet inawgurata sala ġdida fl-Isptar Mater Dei li se tittratta mal-elf pazjent fis-sena li għandom livell għoli ta’ zokkor fid-demm.
Is-sala ġiet inawgurata mill-Viċi Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u saret b’investiment ta’ erba’ mitt elf ewro u fiha tlettax-il sodda.
Il-Professur Stephen Fava, li jispeċjalizza fil-qasam tad-dijabete qal li s-sala se tkompli tagħmel differenza kbira fil-ħajja tal-pazjenti bid-dijabete. Semma kif fl-aħħar snin l-istatistika turi li l-ammont ta’ pazjenti li tilfu riġlejhom minħabba d-dijabete naqsu bin-nofs waqt li rdoppjaw l-amputazzjonijiet fis-swaba’.
Il-Professur Fava attribwixxa dan it-tnaqqis fl-amputazzjonijiet għall-fatt li l-problemi qed jinqabdu ferm iktar kmieni, u minflok jinqata’ r-riġel, qed jitneħħa s-suba’ jew parti minnu.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li din is-sala se toffri kura speċjalizzata taħt saqaf wieħed u mingħajr ħafna skariġġ żejjed għal pazjenti.
Waqt iz-zjara tiegħu f’din is-sala, il-Ministru Fearne qal li kull sena madwar elf pazjent jingħataw kura għal kumplikazzjonijiet li jinqalgħu kawża tad-dijabete.
Qal li l-investiment f’din is-sala sar bħala parti mill-istrateġija nazzjonali tad-dijabete, li tnediet sentejn ilu. Qal li bis-saħħa ta’ din l-istrateġija tqassmu ikar minn tmien miljun stikka tad-dijabete b’xejn lil pazjenti li jbatu bid-dijabete.
Il-kundizzjoni tad-dijbatet taffettwa madwar għaxra fil-mija tal-popolazzjoni Maltija.