L-erbgħin koperattiva f’pajjiżna, li jfissru ħamest elef familja, jiġġeneraw mija u għoxrin miljun ewro fi dħul fis-sena.
Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tnediet libsa ġdida għal Koperattivi Malta.
Koperattivi Malta għandha taħtha aktar minn erbgħin koperattiva minn setturi varji, bħal dawk tradizzjonali tal-biedja u s-sajd u oħrajn moderni bħal kumpaniji tal-marketing, tal-konsulenzi, tat-trasport, tat-teknoloġija, u tal-arti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Koperattivi Malta, Daniel Schembri, spjega l-għajnuna li toffri l-għaqda lin-negozji fi żminijiet ta’ bżonn.
Qal, “Kull min hu membru f’koperattiva u jgħaddi minn żmien ta’ kriżi finanzjarja, pereżempju minħabba mard, aħna nagħtu parti mill-paga sakemm il-persuna jerġa’ jirkupra. Għalfejn? Għax il-core value tagħna huwa dejjem magħmul fuq koperattiva, fuq kif toħloq kooperazzjoni ma’ xulxin.”
Huwa tkellem ukoll dwar is-servizzi ta’ konsulenzi li toffri Koperattivi Malta.
Qal, “Nagħtu ħafna servizzi, fosthom l-advisory, li huwa importanti ħafna. Ħafna koperattivi jkollhom bżonn ħafna pariri ta’ kif jistgħu jiġġeneraw aktar profitti, ta’ kif jistgħu jkunu aktar effiċjenti fis-sistemi tagħhom, ta’ kif jistgħu jkollhom reklutaġġ aktar b’saħħtu biex huma dejjem jibqgħu kif suppost ikunu, fil-kompetizzjoni tal-open market.”
Min-naħa tiegħu, l-Ministru responsabbli mill-Ekonomija, Silvio Schembri, sostna l-importanza li aktar sidien ta’ negozji jingħaqdu f’koperattiva għax huwa mudell aktar reżiljenti.
Qal, “Fil-pandemija stajna naraw kif ma kien hemm l-ebda falliment, tal-ebda koperattiva. Minkejja l-isfidi u d-diffikultajiet, il-mudell jibqa’ jirnexxi u għalhekk irridu naraw, anki issa bid-dehra l-ġdida li qegħdin juru, li nwasslu tip ta’ informazzjoni ma’ iktar nies sabiex iktar nies jidraw dan il-mudell bħala parti mill-attività ekonomika tagħhom.”