Nhar il-Ġimgħa, 21 ta’ Settembru, Heritage Malta se tiftaħ b’xejn il-bibien tal-Palazz tal-Inkwiżitur li jinsab il-Birgu sabiex ikun jista’ jitgawda mill-pubbliku.
Ikkunsidrat bħala ġojjell arkitettoniku, dan il-bini majestuż serva bħala r-residenza uffiċċjali ta’ Mgr Pietro Dusina, l-ewwel inkwiżitur ġenerali u delegat appostoliku tal-gżejjer Maltin, meta wasal Malta fl-1574. Inkwiżituri oħra li għexu f’dan il-palazz ħallew it-traċċi tagħhom fil-bidliet li għamlu f’dan il-bini.
Magħruf bħala ċentru ta’ poter fl-aqwa snin tiegħu, dan il-palazz għadu mogħni bl-ambjent sofistikat tal-piano nobile u b’arranġament irfinat tal-kwartieri privati. Min-naħa l-oħra, t-tqassim sever tat-Trubinal tal-Ufiċċju tal-Inkwiżizzjoni, il-kumpless tal-ħabs u l-kamra tat-tortura, jfakkru żmien meta ħafna kienu jitriegħxu mill-ereżija reliġjuża. Sadanittant, ir-rikostruzzjonijiet storiċi tal-parti tal-kċina domestika joffru tema aktar leġġera u jiftħu tieqa fuq x’kien jissajjar f’dak il-perjodu.Mat-tmiem tal-Inkwiżizzjoni, bosta postijiet bħal dan f’pajjiżi barranin, ġew trattati b’disprezz u sfaw abbandunati ħalli jisfumaw fix-xejn mal-mogħdija taż-żmien. Oħrajn spiċċaw vittmi tal-forza anti-reazzjonarja li nisslet ir-Rivoluzzjoni Franċiża. B’xorti tajba, matul il-ħames sekli tal-istorja tiegħu, il-Palazz tal-Inkwiżitur f’Malta dejjem laqa’ fih uffiċċjali għolja li kienu jirrappreżentaw il-qawwiet prinċipali tal-gżejjer, u dawn assiguraw il-protezzjoni tiegħu. Id-destin imbagħad salva lil dan il-palazz waqt l-ibbumbardjar bla heda tal-inħawi fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Illum, ir-rispett lejn il-wirt kulturali qed jissalvagwardja lil dan il-palazz mit-theddida tal-iżvilupp modern.
Żjara f’dan il-bini toffri opportunità li tesplora wieħed mill-ftit Palazzi tal-Inkwiżituri li fadal u li għadhom ifakkru memorji ta’ fażi itturmentata fi ħdan l-Istorja tal-Knisja. Ta’ min jgħid illi l-ebda palazz simili madwar id-dinja m’hu aċċessibbli għall-pubbliku.
Il-Palazz tal-Inkwiżitur iħaddan fih ukoll il-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija li jippreżenta esebizzjonijiet permanenti dwar tradizzjonijiet reliġjużi relatati mal-Inkwiżizzjoni.
Dan il-palazz huwa wkoll wieħed mis-siti eliġibbli ta’ Wiki Loves Monuments, li hija l-akbar kompetizzjoni tal-fotografija fid-dinja, li qed issir f’Malta matul Settembru. Wiki Loves Monuments għandha l-għan li tippromwovi u taqsam tagħrif dwar siti ta’ wirt kulturali madwar id-dinja. Ritratti tal-Palazz tal-Inkwiżitur, kif ukoll ta’ siti oħra ta’ Heritage Malta, jistgħu jipparteċipaw f’kompetizzjoni billi żżur www.wikimalta.org/WLM2018. Wiki Loves Monuments Malta qed jiġi organizzat ma’ Wikimedia Community Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv.
Se jkun hemm żjarat bi gwida ta’ dan is-sit fl-10:00am (bil-Malti) u fis-2:00pm (bl-Ingliz).
Ħinijiet tal-ftuħ: 09:00am – 5:00pm (l-aħħar dħul fl-4:30pm).
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org u mill-paġna tal-Facebook tal-Aġenzija.