Nhar il-Ħadd 18 ta’ Mejju, f’ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji tal-Mużew, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku jesplora bla ħlas
uħud mis-siti affaxxinanti tagħha mifruxa madwar il-Gżejjer Maltin. Il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, il-Mużew Marittimu ta’ Malta fil-Birgu, il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali fl-Imdina, Għar Dalam u Borġ in-Nadur f’Birżebbuġa, l-erba’ siti taċ-Ċittadella f’Għawdex, u l-Mużew tal-Ferrovija f’Birkirkara, permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Malta Railway Foundation, se jilqgħu lill-viżitaturi b’xejn dakinhar.
Il-Jum Internazzjonali tal-Mużewijiet jiġi organizzat kull sena mill-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet (ICOM) biex jenfasizza r-rwol kruċjali li għandhom il-mużewijiet fit-tfassil tad-dinja tagħna. It-tema magħżula għall-2025, ‘Il-futur tal-mużewijiet f’komunitajiet li qed jinbidlu b’rata mgħaġġla’, torbot mal-isforzi ta’ Heritage Malta biex il-mużewijiet isiru spazji dinamiċi għad-djalogu, l-innovazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli.
Heritage Malta qed tiftaħ il-bibien għal firxa ta’ esperjenzi, fejn dawk li jħobbu l-wirt storiku jistgħu jivvjaġġaw lejn il-preistorja ta’ Malta f’Għar Dalam u f’Borġ in-Nadur biswitu, fejn l-għadam ta’ annimali li ilhom estinti u traċċi ta’ bdiewa bikrin ifesfsu sigrieti ta’ dinja antika. Fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, statwi Neolitiċi u relikwi Feniċi jagħtu idea ċara tal-kulturi bikrin ta’ Malta.
Għal dawk li jħobbu n-natura, jistgħu jduru s-swali tal-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali fl-Imdina, u jiskopru l-għeġubijiet ġeoloġiċi u l-bijodiversità għanja tal-gżira. Il-Mużew Marittimu ta’ Malta fil-Birgu, li dalwaqt se jagħlaq għat-tieni fażi tal-proġett ta’ restawr tiegħu, iħares lejn ir-rabta profonda tal-gżira mal-baħar li jdawwarha, u l-Mużew tal-Ferroviji ta’
Birkirkara joffri ħarsa nostalġika lura lejn l-era qasira tal-ferroviji f’Malta.
F’Għawdex hemm tistenna ċ-Ċittadella, dar għal diversi mużewijiet li jidħlu fl-arkeoloġija, il-ħajja ta’ kuljum, u l-pajsaġġ naturali tal-gżira oħt.
Dawn is-siti se jkunu miftuħa matul il-ħinijiet normali tagħhom, kif elenkati fuq is-sit: https://heritagemalta.mt/opening-hours/
Id-dħul huwa b’xejn u m’hemmx bżonn biljetti, fejn għal aktar tagħrif dwar kull sit, wieħed jista’ jżur: https://heritagemalta.mt/exp