Ix-xhud ewlieni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-middleman Melvin Theuma xehed li s-suspettat mandant u n-negozjant Yorgen Fenech qallu li offra l-flus lill-Partit Nazzjonalista biex David Casa ma jitlax fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
L-Erbgħa filgħodu, Melvin Theuma xehed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Waqt ix-xhieda tiegħu, Theuma xehed li darba kien qed iwassal lil Yorgen Fenech l-ajruport u qallu li offra l-flus lil Partit Nazzjonalista biex ma jitlax Casa.
Theuma għamel din id-dikjarazzjoni wara li ġimagħtejn ilu fil-Qorti iddikjara li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mar jiekol għand Yorgen Fenech, fir-razzett tiegħu Ħaż-Żebbuġ.
Meta kien qed jiġi mistoqsi mill-avukat u d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, Melvin Theuma xehed taħt ġurament li darba Yorgen Fenech qallu li Adrian Delia mar jiekol għandu.
“Mid-dehra Adrian Delia saqsa lil Yorgen Fenech jekk jistax imur ir-razzett liebes shorts minflok suit” kien xehed Melvin Theuma.
Adrian Delia ma ċaħadx li ltaqa’ mas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Wara li ħarġu l-allegazzjonijiet ta’ 17 Black, f’April elfejn u dsatax kien sar magħruf li d-deputati Nazzjonalisti Kristy Debono u Herman Schiavone kien marru jiltaqgħu ma’ Yorgen Fenech.
Huma kien saħqu li marru għand in-negozjant biex jippruvaw iġibu sala b’xejn ħalli jorganizzaw konferenza.
Ftit tas-sigħat wara li tela’, l-ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa ta ħajr pubblikament lill-eks kapijiet tal-Partit Nazzjonalista iżda għażel li jħalli barra lill-Kap attwali tal-Partit Adrian Delia.
David Casa magħruf għall-appoġġ tiegħu lill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil kien mar fuq Facebook biex jirringrazzja lil dawk li b’xi mod kienu ta’ għajnuna għalih biex reġa’ tela’ fil-Parlament Ewropew.
Fi tliet messaġġi separati, Casa għadda messaġġ ta’ ringrazzjament speċjali lill-eks kapijiet tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil li qal li mar jiltaqa’ magħhom.
Madankollu, David Casa ħalla barra mir-ringrazzjament tiegħu lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.