Tard ilbieraħ filagħaxija Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġew imsejħa sabiex jikkontrollaw nirien li ħakmu dgħajsa fil-Bajja tal-Għadira.
Minn informazzjoni li kiseb dan l-istazzjon u anke li ġiet ikkonfermata mill-Pulizija, ħadd ma weġġa’ u ħadd ma kien fuq l-opra tal-baħar meta din saret ħuġġieġa nar.
Fl-operazzjoni tat-tifi tan-nar il-pumpiera użaw ir-rhib sabiex resqu lejn id-dgħajsa u fl-istess ħin intalbet l-assistenza tal-membri tas-Salib l-Aħmar għal dak li seta’ jinqala’.
Sadanittant, b’rabta ma’ dan l-inċident Transport Malta qalet li assistiet lill-uffiċċjali tal-Protezzjoni Ċivili sabiex b’mod sigur jitneħħew il-fdalijiet tad-dgħajsa u ta’ kull periklu li seta’ jkun hemm.
Fl-istess waqt Transport Malta għamlet spezzjonijiet sabiex tara li tneħħa kull materjal li seta’ jniġġes il-baħar kawża tal-inċident.