Dgħajsa mimlija b’400 immigrant tinsab eskorata minn forzi Taljani wara li fl-aħħar sigħat, il-Gwardja tal-Kosta Taljana ħarġet biex teskorta dawn l-immigranti.
Rapporti qalu li d-dgħajsa telqet minn Tobruk, fl-Lvant tal-Libja u kienet tinsab fil-baħar bejn il-Greċja u Malta fejn l-Awtoritajiet Maltin talbu bastiment fil-viċin sabiex jipprovdi assistenza f’każ li jkun hemm ħtieġa.
L-NGO Ġermaniża Sea Watch appellat l-Unjoni Ewropea biex tintervjeni u qalet li Malta kellha toħroġ iddaħħal l-immigranti li fil-fatt issa jinsabu eskorati mill-forzi Taljani.
Rapporti fil-midja Taljana juru li l-Ħadd, nhar l-Għid, fil-gżira Taljana ta’ Lampedusa daħlu mas-26 dgħajsa bi kważi elf immigrant abbord.
Jingħad li dawn kollha ġew mit-Tuneżija u ħallsu mal-4,000 dollaru biex wettqu vjaġġ perikoluż.
Sadanittant rapporti oħra qalu li fl-aħħar sigħat ħarġu l-forzi Taljani biex idaħħlu mat-800 immigrant ieħor abbord dgħajsa li kienet tinsab 120 mil ’il bogħod mix-Xlokk ta’ Sirakuża.