Tkompli l-kritika fil-konfront tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech fil-b’rabta mal-inċident fil-Każin Nazzjonalista tal-Ħamrun, fit-13 ta’ Awwissu, waqt il-festa ta’ San Gejtanu.
Fil-fatt, kien imiss lill-Perit u l-Eks Ministru Nazzjonalista, Michael Falzon li ddeskriva l-inabbiltà lill-Kap Nazzjonalista bħala “dgħajjef u mhux fil-kontroll tal-partit tiegħu.”
Is-sentiment espress minn Falzon f’din l-opinjoni, jingħaqad ma’ opinjonijiet oħra espressi fost l-oħrajn mill-editorjal tal-gazzetta l-Orizzont aktar kmieni din il-ġimgħa.
Falzon fakkar kif kien biss wara ħamest ijiem ta’ silenzju sfrenat li l-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija xotta li qalet kif il-każin Nazzjonalista, ingħalaq b’mod temporanju.
Għeluq li aktarx kien konsegwenza ta’ vaganza ppjanata minn qabel minn min jieħu ħsieb l-istess każin.
Fl-opinjoni tiegħu, l-eks Ministru Nazzjonalista stqarr li n-nuqqas ta’ aġir ta’ Grech b’rabta ma’ dan l-episodju juri kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed jistenna li n-nies tinsa x’ġara billi ma tieħux azzjoni dwar dak li ġara.
Kien hawn li l-Perit Michael Falzon sostna li dan kollu jkompli jsostni l-perċezzjoni li Bernard Grech hu dgħajjef u m’għandux kontroll tal-Partit tiegħu stess. Hawnhekk, Falzon kompla jwissi li din il-perċezzjoni tkompli dgħajjef lil Partit meta jmur għal ġudizzju tal-elettorat.
L-Eks Ministru Nazzjonalista temm jgħid kif il-pajjiż jeħtieġ li jkollu Oppożizzjoni serja u rrimarka li d-deċiżjoni li ma jindirizzax dan l-inċident hija l-agħar ħaġa li Bernard Grech jista’ jagħmel.