Mal-mewt, il-proċess biex katavru jindifen hu wieħed rigoruż u fih diversi proċeduri li wieħed għandu jimxi magħhom.
Biex jara dan il-proċess crew ta’ ONE News żar il-kamra mortwarja fl-Isptar Mater Dei fejn, fost oħrajn, dar il-fridges li fihom jinżammu persuni li jkunu għadhom kemm mietu u wara ftit jiem jew ġimgħat jingħataw difna xierqa.
Mal-mikrofonu ta’ dan l-istazzjon David Grima, xjenzat bi 30 sena esperjenza, spjega li fil-maġġoranza tal-każi, it-tabib jkun jaf il-kawża tal-mewt x’kienet. Iżda jekk dan ma jkunx il-każ, allura jordna awtopsja minnufih biex jiġu identifikati l-kawża jew kawżi tal-mewt.
Meta dan l-istadju jitlesta, normalment katavru ma jagħmilx iktar minn jumejn f’dawn il-fridges fejn hemmekk il-familja tkun tista’ tieħu l-maħbub jew maħbuba tagħhom għad-difna.
Qal, “Ħafna mill-pazjenti ovvjament se jinżlu biċ-ċertifikat tal-mewt, però hemm dawk minnhom li jkollhom bżonn proċess ieħor, tal-awtopsja, però fl-aħħar mill-aħħar li jiġri hu li mmorru għal storage. L-istorage li għandna aħna hu apposta għall-katavru. Il-katavru jiddependi wkoll kemm ħa jdum fis-storage għandna.”
Wara li dorna dawra fejn jintrefgħu l-katavri, inżilna fil-kappella, fejn il-mejtin ikunu lesti biex imorru għad-difna.
Grima tenna li avolja l-maġġoranza ta’ dawk li jmutu jkollhom difna privata magħqudin mal-familja, sfortunatament jkun hemm xi wħud b’destin kiefer li ma jkollhomx familja jew ikunu joqogħdu waħedhom u għalhekk wara li jmutu ssirilhom dik li hi magħrufa bħala d-difna tal-povri.
Il-kelma povri mit-Taljan tfisser, tal-fqar, u allura baqgħet tissemma għall-proċedura fejn fl-antik, f’ċirkostanzi iebsin, l-istat kien partikolarment jidħol hu biex jorganizza l-funeral ta’ dawk li ma kellhomx għaxja ta’ lejl.
Illum il-proċess isir ma’ persuni li ma jkollhom lil ħadd jiġi minnhom, lanqas ħbieb li lesti jorganizzawlhom l-aħħar tislima.
Hawn jitteħdu mal-ħames xhur biex jipprovaw jinstabu xi qraba jew ħbieb qabel issir id-difna mill-istat.
Qal, “Issa l-proċess tal-povri jiġri li aħna nżommuhom mill-inqas xahrejn, aħna nikkalkulaw li wara xahrejn jekk il-katavru jibqa’ għandna, naraw xi jkun ġara. Jekk l-attentati kollha spiċċaw ma tawx frott noħorġu avviż fuq il-Gazzetta tal-Gvern u wara nkunu nistgħu nagħmlu d-difna li tissejjaħ tal-povri.”
Madankollu hu sostna li l-awtoritajiet tas-saħħa jieħdu ħsieb biex l-aħħar tislima tingħata b’rispett sħiħ u b’dinjità. Hawnhekk l-istat jipprovdi għall-ispejjeż ta’ tebut u karozza tal-mejtin biex dawn il-persuni xorta jkollhom difna denja.
Jirriżulta li matul is-sena li għaddiet l-istat organizza 25 funeral tal-povri u din is-sena s’issa saru 14-il difna.
Hu qal li fil-każ ta’ katavri ta’ persuni barranin isir kuntatt mal-ambaxxati jew konsli tal-pajjiżi rispettivi u kemm-il darba jibqgħu mhux identifikati xi qraba, id-difna ssir f’Malta stess.
Qal, “Aħna nikkomunikaw mal-ambaxxati jew kummissjonijiet għoljin li jkun hawn f’pajjiżna ħa naraw jekk għandhomx informazzjoni dwar il-persuna li għadha għandna. Ladarba ma jkunx hemm qraba, normalmanet, jekk wara xahrejn ma ġewx claimed, ifisser li l-familjari ma jkunux jeżistu.”