Bosta titjiriet skedati għal matul il-jum esperjenzaw dewmien wara inċident fil-mitjar Malti li nvolva ajruplan tal-linja tal-ajru Ryanair.
Ħaddiema fl-ajruport ikkonfermaw ma’ dan l-istazzjon li l-inċident seħħ meta l-ajruplan kien qed jiġi rmunkat, u għal xi raġuni nqala’ minn mat-tow truck u baqa’ sejjer.
L-ajruplan waqaf biss meta’ daħal ġo erba’ bawsers tal-fjuwil.
Fi stqarrija, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qalet li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħodu.
L-ajruplan involut fl-inċident ma kellu l-ebda passiġġieri abbord, u ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.
L-ispazju tal-ajru ngħalaq għal xi ħin, u reġa’ fetaħ għall-operazzjonijiet tat-titjiriet ftit qabel in-nofs siegħa.
Titjira tal-Lufthansa minn Frankfurt u oħra tat-Tunisair minn Tunis-Carthage kellhom jinżlu f’Katanja u Tunis rispettivament.
L-istqarrija tal-ajruport kompliet tgħid li s-sit tal-inċident qed tiġi sorveljata minn membri tal-Pulizija u dawk ta’ salvataġġ u tifi tan-nar, filwaqt li għaddejja investigazzjoni mit-Taqsima tal-Investigazzjonijiet ta’ Inċidenti tal-Ajru.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News jidher li l-ajruplan tar-Ryanair involut fl-inċident, għandu ħsarat estensivi fir-roti.