Titjira tal-Air Malta, KM 116/7, li kienet mistennija tmur l-ajruport ta’ Gatwick f’Londra kienet posposta minħabba raġunijiet operattivi. It-titjira lkienet skedata biex titlaq fid-8:40 ta’ dalgħodu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta iżda din ittardjat. Din l-istess titjira mistennija titlaq tard illejla.Fi stqarrija l-Air Malta spjegat kif din id-deċiżjoni ttieħdet hekk kif hi tpoġġi lill-klijenti l-ewwel, u sabiex tnaqqas mill-inkonvenjenza, il-klijenti ġew akkomodati f’lukanda fil-qrib.
It-titjira kienet skedata biex issir permezz ta’ ajruplan u ekwipaġġ mikri apposta biex jgħin itaffi d-domanda li hemm, dan sakemm jaslu ż-żewġ ajruplani tal-Air Malta fix-xhur li ġejjin. Ġara li minħabba dewmien f’titjira preċedenti, l-ekwipaġġ ma kellux ħin ta’ mistrieħ biżżejjed.
Minħabba dan aktar titjiriet jaf ikunu affettwati kawża ta’ dan.
L-Air Malta skużat ruħha għal kull inkonvenjenza.