Bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Fabian Eliuth Garcia Parada, li qed jiġi akkużat bil-qtil tal-eks tfajla tiegħu aktar kmieni dan ix-xahar f’appartament fi Triq Sir George Borg, Tas-Sliema.
Fil-Qorti, id-difiża kkontestat l-akkuża ta’ femiċidju u argumentaw li l-akkuża nnifisha taffettwa d-dritt tal-akkużat għal smigħ xieraq. Fost l-akkużi, Garcia Parada qed ikun mixli b’femiċidju, li jfisser li hu t-tieni persuna akkużata taħt il-liġi l-ġdida li ġiet introdotta fl-2022.
L-akkużat, Kolombjan ta’ tlieta u erbgħin sena, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Sandra Ramirez inqatlet b’daqqiet ta’ sikkina fit-tlettax ta’ Jannar għall-ħabta tas-sitta u kwart ta’ filgħodu.
Id-difiża talbet li l-każ jiġi sospiż sakemm il-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi dwar l-akkuża tal-femiċidju.
Il-każ ikompli fis-sitta ta’ Frar.