Devis Mangia ġie temporanjament rilaxxat mir-rwol tiegħu bħala Head Coach tat-tim nazzjonali Malti tal-futbol. Dan ikkomunikatu l-Malta Football Association, l-MFA, wara li daħlulha rapporti dwar allegat ksur tar-regoli tal-Assoċjazzjoni.
Għall-partita tat-tim nazzjonali Malti kontra l-Iżrael, ħa t-tmun tat-tim nazzjonali Malti l-assitent kowċ, Davide Mazzotta.
Sorsi qalu li plejer tat-tim nazzjonali Malti qiegħed jallega li l-kowċ iffastidjah sesswalment, u li l-Pulizija qed tinvestiga rikording dwar din l-allegazzjoni.
L-MFA qalet li Devis Mangia qed jikkopera bis-sħiħ biex jiġu stabbiliti l-fatti, u sakemm il-passi li jmiss jiġu diskussi bil-miftuħ u bi trasparenza mal-awtoritajiet rilevanti, mhux se tikkummenta dwar il-każ.
Devis Mangia ilu fit-tmexxija tat-tim nazzjonali Malti għal dawn l-aħħar tliet snin u l-kuntratt tiegħu huwa validu sas-sena d-dieħla.
Din mhix l-ewwel akkuża tax-xorti tagħha kontra t-Taljan, li għandu 47 sena, b’akkużi simili meta kien kowċ ta’ Universitatea Craiova fir-Rumanija u meta serva bħala kowċ f’Ascoli. Fiż-żewġ okkażjonijiet, Mangia ma tkeċċiex iżda telaq minn jeddu.