Fi stqarrija lill-midja permezz tal-avukati tiegħu, il-head coach tat-tim nazzjonali tal-futbol, David Mangia, ċaħad l-allegazzjonijiet li qed isiru kontrih.
Mangia jinsab sospiż minn kowċ tat-tim nazzjonali Malti hekk kif żewġ plejers tat-tim nazzjonali allegaw li ffastidjahom sesswalment.
Fil-fatt, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA, fi stqarrija li ħarġet it-Tlieta filgħodu qalet li Mangia ġie sospiż minn xogħlu wara allegat ksur tar-regoli tal-Assoċjazzjoni.
Aktar tard dakinhar, numru ta’ rapporti fil-midja żvelaw li plejer tat-tim nazzjonali għamel kuntatt mal-MFA u allega li kien ġie ffastidjat sesswalment minn Mangia.
Sorsi qalu wkoll li l-Pulizija qed tinvestiga rikording dwar din l-allegazzjoni.
Intant, l-Erbgħa, plejer ieħor tat-tim nazzjonali wkoll allega abbuż mill-head coach tat-tim nazzjonali.
Fid-dawl ta’ dan, l-Erbgħa waranofsinhar l-MFA laqqgħet lill-Eżekuttiv tagħha.
Fi stqarrija fi tmiem il-laqgħa, l-MFA qalet li qabel ma impjegat lil Mangia bħala head coach tat-tim nazzjonali, għamlet il-verifiki neċessarji kollha minħabba l-fatt li Mangia kellu akkużi simili meta kien kowċ tal-Universitatea Craiova fir-Rumanija u meta serva bħala kowċ f’Ascoli. Fiż-żewġ okkażjonijiet, Mangia ma tkeċċiex iżda telaq minn jeddu.
L-MFA qalet li l-akkużi fil-konfront ta’ Mangia qatt ma ġew ippruvati filwaqt li l-liċenzja tiegħu ta’ kowċ dejjem ġiet imġedda.
L-Eżekuttiv tal-MFA qal li s-sospensjoni ta’ Mangia se tibqa’ fis-seħħ sakemm jintemm proċess intern li jinvestiga l-allegazzjonijiet li hemm fil-konfront tiegħu. Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, sostna wkoll li l-Assoċjazzjoni se żżomm lill-UEFA aġġornata bil-proċess kollu.
Intant, fi stqarrija permezz tal-avukati tiegħu, Devis Mangia qal li la issa u lanqas fil-passat ma’ wettaq dak li qed jiġi allegat kontrih.
Qal ukoll li dawn huma biss “aħbarijiet infondati u foloz” li jagħmlu ħsara lid-dinjità personali u r-reputazzjoni professjonali tiegħu.