Devis Mangia, li l-ġimgħa l-oħra ġie sospiż mill-irwol ta’ head coach tat-tim nazzjonali tal-futbol Malti wara allegazzjonijiet ta’ fastidju sesswali, qed jaffaċċja allegazzjonijiet simili, din id-darba minn persuni fir-Rumanija.
Huwa kien kowċ ta’ klabb tal-futbol Rumen u omm ta’ player li kien jilgħab mal-istess klabb qed tallega li binha kien ġie ffastidjat sesswalment minn Mangia.
Din l-aħbar inħarġet dalgħodu minn sit tal-aħbarjiet Rumen, li rrapporta li li omm il-player tkellmet mas-sit u qalet li Mangia kien qal lil binha biex jaraw film pornografiku flimkien. Skontha, Mangia beda jimmasturba quddiem binha.
Hija qalet li, wara dan, binha waqa’ fi stat ħażin ħafna, tant li kellu jtemm il-karriera tal-futbol tiegħu kmieni.
Intant, fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Futbol, l-MFA qalet li hija konxja ta’ kull żvilupp rigward l-allegazzjonijiet kontra Mangia.
Hawn hija ħabbret li t-Tnejn filgħodu għamlet rapport mal-Pulizija dwar l-allegazzjonijiet, u stqarret li l-bibien tagħha huma miftuħa għal kull rapport minn xi whistleblowers oħra.