L-amministrazzjoni ta’ Trump qed tiffaċċja konsegwenzi politiċi wara li l-White House kkonfermat li bi żball ġurnalist kien ġie miżjud f’chat ta’ grupp mhux sigur li fih uffiċjali tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti ppjanaw attakk militari fil-Jemen.
Il-ġurnalist influwenti fix-xena politika Jeffrey Goldberg, fir-rivista ‘Atlantic’, irrapporta li kien inkluż fi grupp ta’ messaġġi ‘Signal’ fejn fost il-membri jidher li kien hemm il-Viċi President JD Vance u s-Segretarju tad-Difiża Pete Hegseth.
Huwa qal li fih, sagħtejn qabel intefgħu l-bombi, ra pjanijiet militari klassifikati tal-attakki mill-Istati Uniti fuq ir-ribelli Houthi b’dettalji tal-armamenti, il-miri u l-ħinijiet.
Dan ir-rapport ġab baraxx ta’ kritika mid-Demokratiċi u tħassib serju fost diversi Repubblikani.
Goldberg qal li kien ġie miżjud f’dan il-grupp bi żball wara li rċieva talba ta’ konnessjoni minn għand dak li jidher li kien il-konsulent tas-sigurtà nazzjonali għall-White House Michael Waltz. Għall-ewwel kien ħaseb li l-grupp kien wieħed falz iżda l-fatti mniżżla wara kienu vverifikati. Il-pjattaforma ‘Signal’ tintuża minn ġurnalisti u uffiċjali Amerikani minħabba s-sigurtà fin-natura tal-komunikazzjoni u l-fatt li tibgħat messaġġi li jisparixxu apparti li tista’ taħbi l-identità ta’ min ikun qed jikkomunika.
It-Tnejn waranofsinhar, il-President Donald Trump qal li ma kienx ra dan l-artiklu tal-Atlantic.
Kienu ħafna li esprimew tħassib serju dwar dan għax li barrani jista’ involontarjament jiżdied ma’ konversazzjonijiet sensittivi tad-difiża nazzjonali hija xi ħaġa inkwetanti u tirrappreżenta falliment fl-operazzjonijiet tas-sigurtà mill-amministrazzjoni ta’ Trump.
Barra minn hekk dawn il-konversazzjonijiet kienu qed iseħħu barra mill-kanali siguri tal-gvern iddisinjati apposta għal dawn it-tip ta’ diskussjonijiet sensittivi u li għalhekk jistgħu kienu qed jiksru l-Att dwar l-Ispjunaġġ li jistabbilixxi regoli dwar l-immaniġjar ta’ informazzjoni klassifikata.