Erba’ t’ijiem wara li ONE NEWS żvela b’mod esklussiv li kien Simon Busuttil innifsu li talab lil Silvio Debono, tad-DB Group, biex iħallaslu l-pagi tas-Segretarju Ġenerali u l-Kap Eżekuttiv, mistennija jkunu żvelati dettalji ġodda fil-gazzetta KullĦadd ta’ għada l-Ħadd.
L-iskandlu skema pagi PN, skema li nħolqot wara li sar Kap Simon Busuttil, ħasad il-Partit Nazzjonalista u kixef kif filwaqt li l-Kap kien qed jitkellem li mhu fil-but ta’ ħadd kien qed jeżisiġi ma’ negozjanti biex iħallsulu l-pagi ħoxnin tal-ogħla uffiċjali tiegħu.
Dan kollu sar magħruf wara li ħarġet l-inkjesta Capital One li fiha tliet Imħallfin ikkonfermaw kif investigazzjoni dwar ħasil ta’ flus waqfet wara li tfaċċa isem Beppe Fenech Adami u ddikjaraw li ma setgħux jeskludu li kien proprju għax tfaċċa ismu li waqfet l-investigazzjoni.
Bil-Partit Nazzjonalista jipprova jdawwar il-kanuni fuq id-deal tal-ITS, fejn il-Viċi-Kap l-ieħor Mario De Marco saħansitra kien rappreżentant legali tal-grupp DB, Simon Busuttil spiċċa l-iktar wieħed fl-inkwiet. Għax il-konfront wassal biex inkixef għemilu. Għemil li se jkompli jkun espost fil-KullĦadd ta’ għada.
F’din il-kampanja kontra l-investiment €300 miljun fuq is-sit tal-ITS f’San Ġiljan hemm ukoll il-blogger Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia.
Fl-aħħar jiem bdiet ittella artiklu wara ieħor fil-konfront tal-imprenditur li għal aħħar snin kien qed jimla l-bwiet tal-Partit Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil.
L-artikli tagħha waslu biex il-grupp DB fetaħ dsatax–il każ ta’ libell fil-Qorti Maltija.
Fi stqarrija ntqal li din ma kinetx deċiżjoni meħuda b’mod ħafif jew mgħaġġel u l-kumpanija xtaqet li ma tieħux dan il-pass.
“Iżda, Daphne Caruana Galizia ma ħallitilna ebda triq ħlief din,” qalet il-kumpanija fi stqarrija tagħha li ddeskriviet l-artikli ta’ Caruana Galizia bħala attakki, malafama u gideb.
“Tikteb bħal li kieku l-liġijiet li jeżistu f’demokraziji Ewropej biex jipproteġu ċ-ċittadini minn din it-tip ta’ aġir ma jgħoddux għaliha,” qal il-grupp fi stqarrija li fiha ntqal li l-flus li se jintrebħu jmorru għall-karità.