Dak li qatel disa’ persuni fi Munich kien iffissat fuq qtil tal-massa u hemm rabta ovja mal-qtil fin-Norveġja minn Anders Behring Breivik. Huwa kien ingħata għajnuna psikjartika għaliex kien bata minn dipressjoni.
Dan qed tgħid l-Pulizija Ġermaniża, li wara li wettqet tfittxija fl-appartament taż-żagħżugħ, sabet materjal bil-miktub dwar l-attakki li wettaq.
L-agressur kellu 18-il sena u ftit wara li għamel massakru, qatel lilu nnifsu bil-pistola ta’ disa’ millimetri li fihom kellu 300 skartoċċ. Il-Pulizija qed tinvestiga jekk kienx hu li stieden lill-vittmi biex imorru McDonald’s, minn fejn qabad jispara. Aktarx li uża isem falz, b’isem ta’ tfajla, biex jistieden lin-nies imorru hemm.
L-attakki tal-bieraħ, fil-kumpless tal-ħwienet Olympia, ħalla 27 midruba, fosthom tfal. Tlieta mill-vittmi kienu mill-Kosovo. Missier wieħed minnhom, ġuvni ta’ 21 sena bl-isem ta’ Dijamant Zabergja, jidher hawn iżomm ritratt tiegħu. It-tnejn l-oħra kienu tfajliet.