Fit-tieni jum tas-Summit tal-Kunsill Ewropew Speċjali li qed jiddiskuti l-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin, u l-pjan ta’ rkupru għal wara l-pandemija, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li jinsab determinat li jkompli jaħdem fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi.
Huwa qal dan wara s-sessjoni plenarja tas-Sibt filgħodu, li kienet segwita minn sensiela ta’ laqgħa u diskussjonijiet bilaterali fosthom fi gruppi mmexxija mill-President tal-Kunsill Charles Michel mal-Prim Ministru u Kapijiet ta’ Gvern tal-istati membri kollha.
F’dawn il-laqgħat, il-mexxejja Ewropej qed jidħlu aktar fil-fond tal-proposti ġodda mressqa s-Sibt filgħodu mill-President Michel, f’tentattiv li jintlaħaq kompromess dwar il-budget sas-sena elfejn u sebgħa u għoxrin, u l-fond ta’ rkupru wara l-pandemija tal-Coronavirus u l-ħsara ekonomika li ġabet magħha.
Minkejja dan qed ikun irrappurtat li dawn id-diskussjonijiet se jkompli għaddejjin matul il-ġimgħa d-dieħla hekk kif se jkun hemm bżonn perjodu itwal biex jintlaħaq ftehim.
Fid-diskussjonijiet li saru sa issa, spikka n-nuqqas ta’ qbil bejn il-pajjiżi dwar l-ammonti li għandhom imorru għal kull pajjiż.
Il-Prim Ministru Olandiż għadu qed jinsisti li l-budget għandu jkun marbut ma’ riformi strutturali fil-pajjiżi tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Ewropa, filwaqt li l-Prim Ministru Finlandiża stqarret li pajjiżha ma jistax joħroġ flus.
Franza esprimiet nuqqas ta’ qbil mal-pożizzjoni tal-Olanda, u Spanja u l-Italja esprimew ix-xewqa li jkun hemm qbil kemm jista’ jkun malajr ħalli ma jdumux ma jibbenefikaw mill-fond ta’ rkupru.
Kulma jmur qed tikber il-possibilità li l-mexxejja Ewropej imorru lura lejn il-pajjiżi rispettivi tagħhom mingħajr qbil, u jerġgħu jiltaqgħu lejn l-aħħar tax-xahar.
Il-pożizzjoni ta’ Malta hija waħda ċara – dik li l-ftehim aħħar jkun wieħed ġust li jagħraf ir-realtà ta’ Malta u d-dipendenza tagħha fuq it-turiżmu, minkejja li fl-aħħar snin kellha tkabbir ekonomiku bla preċedent.