Kellu bżonn operazzjoni li setgħet tħallih f’siġġu tar-roti, iżda minflok ried jgħin lilu nnifsu, u beda minnufih it-triq għall-fejqan imsejsa fuq l-eżerċizzju fiżiku.
Din hija l-istorja ta’ Emanuel Gatt – anzjan ta’ tnejn u sittin sena li b’determinazzjoni liema bħalha, imur il-gym kważi kuljum.
Lil Emanuel iltqajna miegħu fil-ġimgħa li l-kumpless sportiv tal-Inspire f’Marsaskala fetaħ il-faċilitajiet kollha tiegħu bla ħlas biex jgħarraf lill-pubbliku dwar is-servizzi li joffri.
L-anzjan spjega kif kollox beda minn uġigħ f’dahru u f’saqajh, u meta mar għall-Xray sar jaf li għandu kundizzjoni li taffettwalu x-xewka ta’ dahru.
Emanuel qalilna“Bqajt immur għand il-professur għax kont inkun muġugħ, ordnali l-painkillers u xorta bqajt muġugħ, ma kontx niflaħ ħafna ħin bilqiegħda, kont ninqabad fit-traffiku kien ikolli nipparkja fil-ġenb biex noħroġ mill-karozza u nimxi, u rreferieni għall-fiżjoterapija.”
Iżda l-affarijiet kienu serji iżjed minn kemm ħaseb.
Huwa tenna li “Għamilna MRI u rriżulta li kelli problemi akbar għax l-irkiekel kienu qed iħokku ma’ xulxin u qalli tista’ tirranġa b’operazzjoni imma qed nibża’ nagħmilielek għax hemm ċans kbir li tispiċċa f’wheelchair.”
Wara li ħa parir mingħand numru ta’ professjonisti, iddeċieda li jibda jmur l-Inspire, fejn sab għajnuna kbira mill-fiżjoterapisti.
Emanuel imur il-gym kważi kuljum, fejn wara mhux biss iħossu iktar b’saħħtu, imma sab familja ġdida.
Hu sostna li “Sibt anzjani ta’ kull età jiġifieri soċjalment qegħdin grupp li nitkellmu ma’ xulxin, naqsmu l-esperjenzi ma’ xulxin, u tgħallimna ħafna minn xulxin.”
L-anzjan għamel kambjament kbir tant li la kellu bżonn l-operazzjoni, u lanqas il-pinnoli li kien jieħu kuljum għall-uġigħ.
Għaldaqstant, b’kuraġġ ta’ sur appella biex ħadd ma jaqta’ qalbu, u min għaddej minn xi sitwazzjoni diffiċli jfittex refuġju fl-eżerċizzju fiżiku.
Emanuel temm jgħid li “Iktar ma niġi hawnhekk, iktar inħossni healthy, inħossni iżgħar, allura jagħtini dik il-boost u saħħa biex nibqa’ niġi.”