Il-kantanta Maltija Destiny Chukunyere ffirmat kuntratt ma’ Sony Music. Id-diriġenti ta’ Destiny kkonfermaw li l-kanzunetta ‘Je Me Casse’, li l-kantanta se tirrappreżenta lil pajjiżna biha fil-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena, saret wara l-kuntratt mas-Sony.
Min-naħa tagħha d-djar tad-diski Sony Music qalet li ma tistax temmen li din il-kanzunetta tinsab fost il-favoriti li tirbaħ il-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena. Saħqet li dan l-interess jagħti promozzjoni tajba madwar id-dinja kemm lill-kanzunetta u anke lill-kantanta.
Sony Music fissret li dan il-kuntratt isir ukoll f’pajjiżi fejn ir-rebbieħ ta’ X Factor jirbaħ ukoll id-dritt li jirrappreżenta lill-pajjiżu fil-Eurovision Song Contest.
Il-kumpanija qalet li kien ta’ pjaċir li taħdem ma’ Destiny.
Min-naħa tagħha Destiny qalet li din hija ħolma li saret realtà. Sostniet li din tfisser li tinsab fi triq it-tajba għaliex min jistinka dejjem iħalli l-frott. Tenniet li tixtieq li issaħħaħ ir-relazzjoni tagħha ma’ Sony Music.
Fi ftit ġimgħat il-vidjow mużikali ‘Je Me Casse’ kisbet tella’ udjenza ta’ aktar minn tliet miljun ruħ fuq YouTube.