Ħames lokalitajiet f’Malta ġew rikonoxxuti bħala destinazzjonijiet ta’ eċċellenza. Fl-ewwel post insibu l-lokalità tal-Qrendi u sussegwentament warajha bħala runners-up hemm ukoll il-lokalitajiet ta’ Għajnsielem, Ħad-Dingli, il-Mellieħa u Ta’ Xbiex.
Il-Qrendi ġie rikonoxxut bħala rebbieħ għas-sit San Mattew tal-Maqluba, Għajnsielem għall-park rikreattiv u għall-attività ‘Betlehem f’Għajnsielem’, Ħad-Dingli għall-pjazza tradizzjonali b’tema kulturali, il-Mellieħa għax-shelters tat-Tieni Gwerra Dinjija u Ta’ Xbiex bħala destinazzjoni sinonima mal-ambaxxati u mal-yachting fl-isfond ta’ tisbiħ u ta’ attivitajiet riċenti li saru fil-yacht marina.
Dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Kummisjoni Ewropea bil-għan li jiġi promoss turiżmu sostenibbli madwar l-Ewropa. L-iskop ta’ dan huwa li destinazzjonijiet inqas magħrufa u li jgħinu fit-tkabbir ekonomiku bl-elementi soċjali, kulturali u ambjentali jkunu mħarsa u aktar viżibbli, filwaqt li jesponu u jsaħħu karatteristiċi tipiċi.
Is-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi fi ħdan il-Ministeru tat-turiżmu ppreżenta l-premjijiet u rringrazzja lis-sindki u lill-kunsilli lokali kollha li pparteċipaw u lir-rebbieħa fejn saħaq li dawk li jamministraw il-lokalitajiet Maltin huma ambaxxaturi ewlenin ta’ pajjiżna.
Il-Ministru għat-turiżmu Konrad Mizzi qal l-istrateġija nazzjonali għat-turiżmu tippromovi l-potenzjal li joffru l-lokalitajiet Maltin anke fix-xhur kollha ta’ matul is-sena fejn jinżammu attivitajiet mifruxa f’pajjiżna.
Sostna li dan il-gvern huwa kommess li jkompli joffri prodott Malti ta’ kwalità sabiex inkomplu noffru esperjenzi pożittivi għat-turisti li jżuru pajjiżna kif ukoll awgura li jkollna aktar kunsilli lokali li jkomplu jaħdmu id f’id ma’ din l-istrateġija li qed tkun ta’ suċċess li minnu jgawdi pajjiżna kollu.