Dak li sa ftit ilu seta’ kien theddida, illum qed ngħixuh u nutilizzawh kull meta jkun hemm bżonn.
Deroga Ewropea dwar l-aċċessibiltà għall-mediċini li għandhom Malta, Ċipru, u l-Irlanda, imressqa mill-Membru Parlamentari Ewropew Malti Cyrus Engerer aċċertat li dawk il-mediċini li l-Maltin huma mdorrijin jaċċessaw, jistgħu jaċċessawhom mingħajr xkiel. Mingħajr din id-deroga kien hemm kwistjoni fejn il-Maltin u l-Għawdxin ma setgħux jixtru l-mediċini li għandhom fiduċja fihom.
Fi kliem il-Membru Parlamentari Ewropew:
Kienet xi ħaġa diffiċli ħafna, kienet iebsa għax kellek numru ta’ membri parlamentari tal-Parlament Ewropew minn pajjiżi oħrajn li ma riedu jaċċettaw b’xejn li r-Renju Unit, li huwa barra mill-Unjoni Ewropea, jibqa’ jipprovdi mediċini lil ċerti pajjiżi fl-Unjoni Ewopeja, għax imur kontra r-regoli tas-suq intern. Pero’, kienet battalja li dħalt għaliha għaliex nemmen ħafna li l-Maltin u l-Għawdxin kellhom bżonn li jixtru dawk il-mediċini li mdorrijin bihom.
Cyrus Engerer esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li din id-deroga ġabet magħha vot b’saħħtu f’kull stadju fil-livell Ewropew, primarjament fil-Kumitat tas-Saħħa fil-Parlament Ewropew. Dan wassal ukoll għal maġġoranza b’saħħitha fil-plenarja tal-Parlament Ewropew.
Fl-istess waqt, il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet l-isforzi mwettqa mill-Gvern Malti biex jipprovdi l-aqwa kwalità ta’ saħħa lill-Maltin u l-Għawdxin.