Id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista jinsabu skomdi għall-aħħar bir-riżultat tal-konferma ta’ Bernard Grech mill-Kunsillieri tal-partit.
Fl-aħħar tmiem il-ġimgħa, 28 fil-mija tal-Kunsilliera Nazzjonalisti – iktar minn kwart tat-total – ma vvutawx jew saħansitra vvutaw biex Bernard Grech ma’ jibqax il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dan ir-riżultat ma jissodisfax il-kejl ta’ dawk li huma l-eqreb ta’ Bernard Grech innifsu, li kienu qalu li biex Kap iħossu li għandu l-kontroll tal-Partit irid jikseb 90 fil-mija tal-voti.
ONE News mar barra l-binja tal-Parlament biex jistaqsi lid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista dwar dan ir-riżultat. Fost ħafna minnhom, spikkat l-iskumdità meta ntalbu għar-reazzjoni tagħhom.
Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo kien pront jgħid li l-ġurnalisti ta’ dan l-istazzjon għandhom ħabta jdawru l-affarijiet. Madankollu, meta ġie affaċċjat b’ċifri fattwali, kliemu ma kienx ċar u baqa’ dieħel il-Parlament.
Min-naħa tagħha, id-Deputat Rebekah Cilia donnha ammettiet li ċ-ċifra ta’ 71 fil-mija hija dik veritiera u mhux dik ta’ 81 fil-mija li kienet il-figura uffiċjali li tħabbret mid-Dar Ċentrali.
Id-Deputat Nazzjonalista Julie Zahra donnha xejnet lil dawk il-166 kunsillier li ma marrux jivvutaw għall-Kap.
Intant, Ivan J. Bartolo, f’nofs it-tweġiba tiegħu nduna li ċ-ċifra tiegħu kienet waħda żbaljata.