Jumejn wara li xxandret intervista fejn fiha d-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, qal li Bernard Grech żbalja li ħalla barra lil ċertu nies mix-shadow cabinet tiegħu, bdiet toħroġ l-iskumdità ta’ deputati oħrajn tal-Partit Nazzjonalisa meta ġew affaċjati b’mistoqsijiet dwar din id-dikjarazzjoni mill-ewlieni tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista.
Dan deher ċar waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-istess partit fejn hemmhekk ONE News staqsa lid-Deputat Claudette Buttigieg dwar jekk taqbilx mad-dikjarazzjoni ta’ Beppe Fenech Adami.
Dan speċjalment meta wieħed iżomm f’moħħu li t-tnejn l-huma ħadmu spalla ma’ spalla bħala ewlenin tal-Blue Heroes biex fis-sajf tal-2020 iqaċċtu lil Adrian Delia minn Kap tal-Partit.
Kien hawn li Claudette Buttigieg, ma lissnitx imqar kelma waħda, għajr tbissima u lebbtet il-barra mill-kamra fejn fiha saret il-konferenza.
Ġurnalist – “Onorevoli Buttigieg int kont waħda mill-Blue Heroes. Taqbel ma’ Beppe Fenech Adami dwar dak li qal? Mistoqsija sempliċi le? Taħseb li l-Kap żbalja bix-shadow cabinet tiegħu?
Claudette Buttigieg – “Grazzi ħafna.”
Din l-iskumdità min naħa ta’ Buttigieg ħarġet fil-beraħ fi sfond ta’ pressjoni kbira li hemm bħalissa fuq il-Kap Bernard Grech biex jagħmel tibdil fil-mod kif inhuma assenjati d-dekasteri lill-membri tal-Grupp Parlamentari tiegħu.
Żvelat dan il-gazzetta Kullħadd, hekk kif irrappurtat li minkejja li l-Kap mhux wisq entużjast dwar dan, jaf li jkollu jagħmel dak li ma jixtieqx.
Dan hekk kif bosta li jridu r-reshuffle qed jużaw l-iskuża li Albert Buttigieg issa ilu ġimgħatejn fil-Parlament u għadu mingħajr dekasteru.
Il-Ħadd il-gazzetta Kullħadd spjegat li din il-pressjoni bdiet minn meta ġie ppubblikat id-dokument Nazzjonalista ta’ qabel il-Baġit. Fil-fatt, il-pressjoni fuq Grech qed issir bl-argument li l-oqsma l-aktar importanti għandu jħallihom fi jdejn min tassew jifhem u għandu l-esperjenza.
Fil-mira prinċipali hemm Jerome Caruana Cilia, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, li falla bil-kbir fl-ewwel test tiegħu. Lil Grech qed jgħidulu xi żball kbir kien li neħħa lil Mario de Marco biex minfloku daħħal lid-deputat Caruana Cilia.
Dan ir-rapport mill-gazzetta Kullħadd, imur id f’id mal-battuti pubbliċi ta’ Beppe Fenech Adami magħruf bħala wieħed minn dawk li jiġbed l-ispag tal-Kap.
Fil-fatt filwaqt li qal li kien żball li Grech ħalla lil Chris Said, lil Mario De Marco, u lil Carmelo Mifsud Bonnici mingħajr dekasteru mill-Kap, huwa qal ukoll li jippretendi li s-sitwazzjoni tiġi rrimedjata.
“Naħseb deċiżjoni żbaljata u nittama li dik il-ħaġa tiġi rranġata. Jien naħseb li kien żball li lil dawn it-tliet persuni m’għamilhomx kelliema u ma tahomx dekasteru. Naturalment, kien hemm loġika, però naħseb li hu żball li aħna nippruvaw fil-politika tagħna ma nipproteġux u ma niftaħrux bil-legat tal-PN.“