Id-deputati tal-Partit Nazzjonalista, Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia, għamlu konferenza tal-aħbarijiet li fiha spiċċaw imbarazzati wara li tkellmu fuq it-taxxa.
Filwaqt li s-suġġett tal-konferenza kien dwar id-deputat Rosianne Cutajar, il-ġurnalisti minn midja differenti staqsew fuq Bernard Grech, il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Meta kien mistoqsi: “L-istess argument ma japplikax għall-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li dan kellu snin ta’ taxxa mhux imħallsa u ħallasha biss meta kien ħiereġ għall-Kap. Ma taħsbux li qed tapplikaw 2 weights 2 measures hawnhekk?”
Id-deputat Karol Aquilina, li kien wieħed minn dawk magħrufa bħala blue heroes u li poġġew lil Grech fit-tmexxija tal-partit, iddefenda lill-Kap. Huwa qal, “Le maħniex napplikaw 2 weights 2 measures.”
Bħalu l-istess għamlet Therese Comodini Cachi, meta qalet, “Hemm baħar jaqsam.”
Il-kwistjoni ta’ Bernard Grech mhux l-ewwel każ ta’ esponenti tal-Partit Nazzjonalista li kellhom diffikultajiet iħallsu jew jiddikjaraw it-taxxa.
Fl-aħħar xhur kien żvelat kif Jason Azzopardi l-ewwel ma ddikjarax it-taxxa mbagħad iddikjara li ma jaqla’ xejn mill-professjoni.
Dwar dan staqsejna lill-kelliema tal-PN: “Seħibkom Jason Azzopardi filwaqt li hu l-Avukat tal-Porsche kien iddikjara li m’għandux qliegħ mill-professjoni. Se titolbu li jiġi investigat jew jaħdmilhom b’xejn?”
Iżda, tweġiba ma tawniex.
U meta staqsejna lil Therese Comodini Cachia dwarha nnifisha qaltilna li hi dejjem iddikjarat it-taxxa. Għalkemm żiedet, li safejn taf hi. Hija sostniet: “Jien sa fejn naf jien dejjem iddikjarajt.”
Intant, fil-mira taż-żewġ kelliema kien hemm Rosianne Cutajar li rriżenjat minn Segretarju Parlamentari.
Il-Prim Ministru Robert Abela din il-ġimgħa qal li r-riżenja se tibqa’ fis-seħħ. Minkejja dan il-kelliema tal-PN qalu li l-Prim Ministru ma jiddeċidix.
Min-naħa tagħna staqsejna lil Karol Aquilina għaliex kien fil-konferenza tal-aħbarijiet ladarba hu kien qal li rriżenja sakemm jinstema’ każ kontra tiegħu fil-Qorti wara li allegatament ipperikola ħajjet pulizija.
Filwaqt li kien qed jitkellem f’isem il-Partit Nazzjonalista, qalilna li hu rriżenja minn kelliem għall-ġustizzja. Aquilina tenna: “Dik ir-riżenja għadha effettiva.”
Bir-riżenja effettiva Aquilina jibqa’ jitkellem f’isem il-Partit Nazzjonalista kullimkien, mid-Dar Ċentrali sal-kumitat għall-kontijiet pubbliċi.
Saħansitra, flimkien ma’ oħrajn u nies qrib tiegħu, jibqa’ jgħid lil Bernard Grech x’għandu jagħmel.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/07/06/jekk-irid-jibda-jiehu-d-decizjonijiet-bernard-grech-ikollu-jibda-minnu-nnifsu-il-pl/