Meta l-Erbgħa tlaqqa’ l-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet tal-Familja, id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Ivan Bartolo u Claudio Grech naqsu milli jattendu għal laqgħa importanti li kellha tiddiskuta l-vjolenza minn minuri fuq l-adulti.
Dan bil-konsegwenza li l-laqgħa tal-kumitat li għaliha kienu mistiedna l-Unjin tal-Għalliema l-MUT u l-Kummissarju għat-Tfal ma setgħetx tibda. Dan għax skont ir-regolamenti tal-Kamra, il-laqgħa ma setgħetx issir mingħajr il-preżenza tad-deputati Nazzjonalisti.
Għan-naħa tal-Gvern kienu preżenti t-tliet deputati Rosianne Cutajar, Anthony Agius Decelis u Etienne Grech.
Il-laqgħa setgħet tibda biss aktar minn nofs siegħa wara li l-ħin skedat meta tfaċċa d-Deputat Nazzjonalista Karl Gouder.
Iċ-chairman tal-Kumitat għall-Affarijiet tal-Familja Rosianne Cutajar qalet li dak li għamlu d-deputati Nazzjonalisti huwa inaċċettabbli.
“Niskużaw ruħna talli bdejna propju issa, aktar min nofs siegħa wara imma jiddispjaċini ngħid li l-membri tal-Oppożizzjoni li huma membri f’dan il-kumitat ma tfaċċawx u nixtieq nirringrazzja lilek Onorevoli Karl Gouder għax li kieku ma ġejtx inti din il-laqgħa l-anqas biss stajna biss nibdewha. Dawn huma affarijiet inaċċettabli, fl-opinjoni tiegħi u nemmen li nistenna aktar serjeta”, qalet Cutajar.
Għal dan il-kumitat kien hemm preżenti l-Kummissarju tat-Tfal Pauline Miceli, il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika Simone Cini u l-President tal-Malta Union of Teachers Marco Bonnici.