Wara li, ġimgħa ilu, rapport tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, magħruf bħala l-GRECO, innota li Malta wettqet jew qed twettaq iżjed min-nofs ir-rakkomandazzjonijiet tal-istess GRECO, deputati Parlamentari tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista ippruvaw jiskreditaw fil-Parlament il-ħidma sfiqa tal-Gvern f’dan il-qasam.
It-Tlieta waranofsinhar, id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qam u staqsa jekk il-Gvern għandux interess li jwettaq dawn ir-riformi.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, fakkar kif l-istess rapport tal-GRECO nnifsu nnota b’sodisfazzjon ir-riformi li wettaq u qed iwettaq il-Gvern favur is-saltna tad-Dritt u l-governanza tajba, filwaqt li nnota wkoll kif, meta l-istess istituzzjoni għamlet numru ta’ rakomandazzjonijiet lil Gvern Nazjzonalista, ma saret ebda riforma.
Qal, “Qed nagħmel referenza għal dan ir-rapport li jmur lura għall-perjodu tal-aħħar leġiżlatura tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, u nikkwota l-konklużjonijiet: In view of the above, GRECO concludes that Malta has implemented satisfactory, or dealt with in a satisfactory manner, none of the nine recommendations contained in the third round evaluation report. Jiġifieri bir-rispett kollu, li jkollna sitwazzjoni fejn il-GRECO qed tgħid li l-Gvern Malti implimenta tnejn mir-rakomandazzjonijiet li ressqu ‘l quddiem bħala inizjattivi li jsaħħu s-saħħa tad-dritt u l-liġi tal-korruzzjoni, minnu nnifsu huwa pożittiv, bl-ebda mod m’aħna nissodisfaw ruħna.”
Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qam u ddeskriva dan il-falliment tal-gvern Nazzjonalista bħala kliem sabiħ. Il-Ministru Attard iċċara l-fatt li kien il-GRECO stess li kkonferma l-progress sinifikanti ta’ Malta fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.
Qal, “Bir-rispett kollu jrid ikollok wiċċ tiġi hawn tipprova tiskredita l-ħidma tal-Gvern f’dan is-settur għaliex il-GRECO qed jgħidu implimentajna kompletament żewġ rakomandazzjonijiet, u għandkom numru ta’ rakomandazzjonijiet oħra li qiegħdin fl-istadju li jiġu implimentati.”
Intant, id-deputat Nazzjonalista Mario De Marco staqsa lill-istess Ministru Jontahan Attard dwar rapporti żbaljati li hu ma laqax talba biex jiltaqa’ ma delegazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta. Il-Ministru Attard innota kif l-istess rapporti ikkontradixxew lilhom infushom.
Qal, “Ir-rapporti li ġew irrappurtati fil-midja jew inkella fuq sessjonijiet tal-midja, ma jagħmlu sens xejn, għax l-istess rapporti jikkonfermaw li jien kont parti mid-delegazzjoni li akkumpanjajt lill-Prim Ministru f’laqgħa estensiva li saret fejn irrispondejna kull mistoqsija li ġiet mistoqsija. ”