Jiem wara li d-Deputat tal-establishment u l-Kap de facto, Karol Aquilina, fetaħ attakk fuq l-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia, kollegi tiegħu fil-Partit Nazzjonalista ħarġu jaqbżu għal dan l-aġir.
Dan l-istazzjon staqsa lid-deputati tal-Oppożizzjoni hekk kif kienu deħlin għal seduta Parlamentari fejn fiha Aquilina wkoll reġa’ sfida b’arroganza lill-Ispeaker tant li qallu biex iġiblu l-Pulizija ħallih joħorġuh ’il barra.
Aquilina: “Keċċini bil-Pulizija.”
Farrugia: “Mhux bil-Pulizija, għedtlek terġax tagħmilha, m’għandekx il-kelma, ieqaf! Hawnhekk inti wieħed minn disgħa u sebgħin, trid iġġib ruħek bħall-oħrajn, ieqaf!”
Madankollu, quddiem tali aġir, inkluż f’seduti preċedenti, kienu għadd ta’ deputati li ħarġu għonqhom għal Aquilina u b’hekk għamlu dan l-attakk tagħhom ukoll.
Fost dawn kien hemm, id-Deputat Mario Demarco li qal kif kulħadd għandu d-dritt jagħmel il-kummenti tiegħu.
Ġurnalist: “Tikkundanna l-attakk ta’ Karol Aquilina fuq l-Ispeaker?”
Demarco: “Kulħadd għandu d-dritt jagħmel il-kummenti tiegħu.”
Id-Deputata Bernice Bonello, li missierha daqt se jkun is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, saħansitra staqsiet x’kien l-attakk.
Ġurnalist: “Tikkundanna l-attakk ta’ Karol Aquilina fuq l-Ispeaker?”
Bonello: “Naħseb hemm ħafna affarijiet fuq xiex nistgħu nitkellmu. X’attakk kien hemm minn Karol Aquilina fuq l-Ispeaker?”
Ġurnalist: “Qallu sfaċċat, missu jpoġġi man-naħa l-oħra tal-Kamra. Ma tikkundannahx dan?”
Quddiem l-istess mistoqsija kien hemm għadd ta’ deputati tal-Oppożizzjoni li ħassewhom skomdi jwieġbu.