Mark Anthony Sammut, li qed jipprova jippożizzjona ruħu għall-possibbiltà tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, qed inaffar lil sħabu deputati tal-grupp parlamentari. Fost dawk li għamluha ċara miegħu li qed jaqbeż il-linja hemm id-deputat Ivan Bartolo tal-Mosta.
Sostnew dan ma’ One News sorsi fil-Partit Nazzjonalista, li fissru kif minn meta faqqgħet l-istorja fit-Times of Malta li Bernard Grech jista’ jiġi sfidat bħala Kap, Mark Anthony Sammut iktar żied l-isforz biex jidher bħala l-iktar politiku prominenti tal-Partit Nazzjonalista.
Peró, dan xejn mhu jinżel tajjeb ma’ deputati Nazzjonalisti li internament qed isostnu li l-attitudni ta’ Sammut qed tnaffar u mhux tiġbed lin-nies lejn il-Partit Nazzjonalista. Mhux talli hekk, talli saħansitra qed iddejjaq lid-deputati nfushom.
Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, tal-Mosta, instema’ jilmenta dwar dan fil-kurituri tal-Parlament nhar it-Tlieta li għadda, wara li f’sessjoni ta’ mistoqsijiet parlamentari l-argumenti ta’ Sammut ġabithom fix-xejn il-Ministru Miriam Dalli.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalu li Bartolo qal lil Sammut f’wiċċu li jkun aħjar jekk ibiddel l-attitudni għax qed isir ma jinfelaħx. Jirriżulta li Bartolo ma tantx qagħad jgħomod kliemu u, mit-tagħrif li għandna, jidher li d-deputat Karol Aquilina prova jrażżan lil Ivan Bartolo, anke għax kienu fil-kurituri tal-Parlament.
Mark Anthony Sammut għandu appoġġ kbir minn Louis Galea, l-eks Ministru Nazzjonalista li minn wara l-kwinti jimmanuvra dak li jiġri fil-Partit Nazzjonalista. Saħansitra, Sammut innifsu kien fost dawk li ħadu pożizzjoni qawwija meta sar l-attakk kontra Adrian Delia: raġuni oħra għaliex fil-Partit Nazzjonalista ħafna qed jgħidulu li l-attitudni tiegħu qed tiswa iktar ta’ ħsara milli ta’ ġid