Il-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, imbarazza lid-Deputati tiegħu meta l-Ħadd filgħodu, waqt intervista fuq il-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista, irrimarka li min jikkritika lill-partit fil-beraħ m’għandux intenzjonijiet tajbin.
Barra l-Parlament, it-Tnejn filgħaxija, Bernard Grech ikkonferma li fil-partit tiegħu hemm min qed jagħmel il-ħsara u jeżisti ġlied kbir.
B’dak li qal il-Ħadd, u kompla jsostnih it-Tnejn filgħaxija, Grech ħoloq skumdità fost deputati tiegħu minn fazzjonijiet differenti.
Karol Aquilina, deputat li ħadem u tkellem fil-beraħ kontra Adrian Delia biex dan jitqaċċat minn Kap tal-partit, deher evidentement skomdu u imbarazzat.
Deputat ieħor li ħassu imbarazzat f’sitwazzjoni ta’ partit maqsum kien Toni Bezzina.
Dan filwaqt li Ivan Bartolo ried jgħidilna li Bernard Grech ma qalx li min jikkritika l-partit fil-beraħ, ikun qed jagħmel il-ħsara.
Iżda, fil-fatt, dan hu dak li qal Bernard Grech il-Ħadd filgħodu.
Qal, “Inti ma jistax ikollok intenzjoni tajba li tmur fil-pubbliku u tattakka u tipprova tkisser lill-Partit meta inti taf li għandek strutturi fil-Partit li għandna nużawhom biex intejbu dawk l-affarijiet li ma jkunux sejrin tajjeb.”
Quddiem dikjarazzjonijiet bħal dawn, li bihom kompla jimbarazza speċjalment lid-deputati tal-Blue Heroes, li għamlu tliet snin sħaħ jitkellmu fil-beraħ u jfixklu lill-predeċessur tiegħu, Bernard Grech imbagħad ma kienx jaf x’se jaqbad jgħid meta dlonk ġie mfakkar x’sar lil ta’ qablu biex ħadlu postu hu.