Wara l-istqarrija oriġinali li fiha Jason Azzopardi daqq l-irtirata fuq numru ta’ allegazzjonijiet li għamel dwar Adrian Delia, numru ta’ deputati Nazzjonalisti dehru skomdi.
Dan meta mistoqsija dwar jekk Jason Azzopardi għadx għandu postu fil-Partit Nazzjonalista wara li fi stqarrija kellu jammetti li gideb dwar Adrian Delia.
Meta staqsejnieh: “Wara l-istqarrija konġunta tal-ġimgħa l-oħra bejn Adrian Delia u Jason Azzopardi taħseb li Jason Azzopardi għadu postu fil-Partit Nazzjonalista?”
Robert Cutajar wieġeb: “Good Afternoon.”
Huwa reġa’ kien mistoqsi: “U Adrian Delia?”
Meta kienet mistoqsija: “Wara l-istqarrija konġunta tal-ġimgħa l-oħra bejn Adrian Delia u Jason Azzopardi taħseb li Jason Azzopardi għadu postu fil-Partit Nazzjonalista?… m’għandekx opinjoni? ..u Adrian Delia?”
Claudette Buttigieg qaltilna, “Thankyou.”
Iżda għalkemm l-irtirata ta’ Jason Azzopardi ma tista’ tiġi interpretata bl-ebda mod ieħor ħlief ammissjoni li hu kien qed jigdeb, għal Bernard Grech dan mhux minnu. Minflok, għal dak li bil-gideb ta’ Azzopardi spiċċa ħataf it-tmexxija tal-Partit, din kienet biss ġlieda bejn żewġ persuni li fi kliemu kienu qed jagħrxu lil xulxin.
Meta staqsejnieh: “Ammettejtu fl-istqarrija li Jason Azzopardi gideb?”
Bernard Grech qalilna: “Le naħseb fl-istqarrija ħareġ biċ-ċar li żewġ persuni li kienu kontinwament qed jitticklejaw lil xulxin illum waqfu.”
Meta rġajna staqsejnieh: “La rtira dak li qal fuq Adrian Delia gideb?
Bernard Grech tenna: “Tinkwetakom hux illi waqfu.”
Bl-istess rettorika kien hemm ukoll id-deputat Kristy Debono, li l-allegazzjonijiet illum irtirati ta’ Jason Azzopardi wkoll kienu wassluha biex tinqata’ minn ma djul Adrian Delia. Hija qalet li bl-istqarrija ta’ Jason Azzopardi issa l-ġlieda bejniethom hija ‘acqua passata.’
Min-naħa tagħha d-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono sostniet: “Huwa każ kompletament differenti. Jiġifieri Jason.. Jason għamel l-istqarrija tiegħu u allura ser nimxu minn hemm.”
Din l-istess skumdità dehret fil-Kap Bernard Grech, li ma setax iwieġeb meta mistoqsi jekk Jason Azzopardi hux denju li jkun rappreżentant tal-poplu.
Għall-mistoqsija: “Denju għal persuna li gideb fuq il-kap tiegħu li jkun rappreżentant tal-poplu?”
Bernard Grech weġibna: “Grazzi.”
Meta rġajna staqsejnieh: “Ha nerġa nagħmillek l-istess mistoqsija.. huwa denju li persuna li gidbet fuq il-Kap tagħha jkun rappreżentant tal-poplu?”
Bernard Grech tenna: “Grazzi.”
Fl-aħħar jiem Bernard Grech kien fil-mira ta’ analiżi iebsa mill-esponent tal-establishment Nazzjonalista Manuel Delia wara l-froġa li għamel meta għajjat laqgħa urġenti tal-eżekuttiv biex imbagħad kellu jħassarha ftit minuti qabel. Dwar dan staqsejna lil Beppe Fenech Adami li bħas-soltu laqgħana bi grazzja liema bħalha.
Fenech Adami stqarr: “Il-frejjeġ tagħmluhom intom mhux Bernard Grech.”