- Gazzetti diversi jirrapportaw dwar ir-rabja fil-PN
- Marlene Farrugia tħabbar, u Simon Busuttil taħt kritika
- Jipprova jiġbor ġieħu f’kummenti mat-Times
Il-konferma li l-kandidati ta’ dak li kien il-Partit Demokratiku se jkunu fuq l-istess lista tal-Partit Nazzjonalista b’mod li ż-żewġ partiti saru ħaġa waħda, nisslet diżgwid fil-grupp parlamentari Nazzjonalista u l-kandidati approvati tal-istess partit. Kandidati li qed jgħidu li għat-tieni darba l-Kap rema l-baħar ix-xogħol li setgħet għamlet il-Kummissjoni għall-għażla tal-kandidati.
Irrapportaw dwar dan gazzetti ewlenin tal-Ħadd, fosthom il-KullĦadd, it-Torċa, it-Times of Malta u anke l-Maltatoday. Ilkoll kellhom tagħrif komuni mill-grupp parlamentari. Il-Maltatoday tgħid li deputati qalu li “dan ġenn.”
Il-KullĦadd irrapportat kif kien hemm numru ta’ deputati u kandidati li fl-aħħar sigħat lissnu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom ma’ din il-mossa internament. Għalkemm l-iktar li urtahom kien il-fatt li din id-deċiżjoni ttieħdet f’paniku minn Simon Busuttil mingħajr lanqas biss ikkonsulta l-grupp parlamentari.
Mossa li fi kliem membri tal-grupp parlamentari li lissnu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom tista’ tkun interpretata bħala ammissjoni tal-Kap li waħdu ma jistax jirbaħ l-elezzjoni ġenerali anke jekk ilu jgħid mod ieħor diversi xhur. Semmew ukoll kif Simon Busuttil jista’ jkun jerġa’ jidher bħala opportunist, kif seħħ fil-każ ta’ Salvu Mallia. Kif kien ikkonfermat ma’ din il-gazzetta stess, b’Mallia nqabżu l-istrutturi kollha li jintużaw għall-approvazzjoni tal-kandidati. Sa issa d-diskors qed isir internament, iżda mkejjen sostnew li d-dwejjaq huwa fl-istess livell ta’ meta ħafna tkellmu pubblikament kontra l-kandidatura ta’ Mallia.
Kandidati urtati nnotaw kif wara li huma għaddew mill-Kummissjoni Kandidati u strutturi oħra tal-Partit Nazzjonalista, il-kandidati tal-oranġjo se jispiċċaw fil-lista l-blu mingħajr ma joqogħdu għall-ebda skrutinju. Skrutinju li tgħidx kemm ftaħar bih Simon Busuttil meta ħatar din il-Kummissjoni. Dakinhar li fil-15 ta’ Ġunju 2013 ħatar il-Kummissjoni li fit-tmexxija tagħha għamel lil Joe Borg, eks Kummissarju Ewropew, Busuttil kien qal li l-importanza tal-Kummissjoni kienet dik li tagħżel il-kwalitajiet tal-kandidati.
Iżda, Simon Busuttil mhux għalhekk biss qed ikun ikkritikat. Spiċċa taħt pressjoni minħabba l-fatt li l-Partit Nazzjonalista lanqas kien hu li ħabbar dan il-ftehim, b’Marlene Farrugia toħroġ qablu tgħid x’inhu l-arranġament.
U biex kompla jidher iktar dgħajjef Farrugia kitbet li fejn Simon Busuttil ma jafx, se jgħallmuh. Biex jipprova jiġbor ftit ġieħu dwar din kelliem għall-Partit Nazzjonalista qal lit-Times of Malta li għadu ma tħabbar xejn, anke jekk kulħadd jaf li tħabbar.
Il-ftehim intlaqa’ wkoll bl-istqarrija tal-Partit Laburista li feraħ lill-Partit Nazzjonalista li għandu żewġ kapijiet.
Fl-aħħar sigħat sar magħruf li arranġament simili, il-Partit Nazzjonalista ried jagħmlu wkoll mal-Alternattiva Demokratika. Iżda, l-uffiċjali tal-Alternattiva Demokratika żvelaw li m’aċċettawx għax l-arranġament li jrid il-Partit Nazzjonalista jispiċċa jibla’ lill-Alternattiva Demokratika.