Ftit jiem wara li l-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech, għamel diskors parlamentari deskritt bħala insensittiv u xokkanti minn bosta madwar il-pajjiż, id-deputati Parlamentari nisa tiegħu, filwaqt li ma kkundannawhx, dehru skomdi għall-aħħar bih.
Dan ħareġ biċ-ċar waqt mistoqsijiet li għamlihom ONE News barra l-Parlament fl-isfond ta’ kritika kbira li saret lejn il-Kap.
ONE News għamel mistoqsija sempliċi: jekk jaqblux mad-diskors li għamel Bernard Grech.
Saħansitra d-Deputat Paula Mifsud Bonnici qalet hekk b’reazzjoni għad-diskors ta’ Grech:
“Definittivament.”
Filwaqt li Mifsud Bonnici definittivament qablet mad-diskors tal-Kap Nazzjonalista, din id-dikjarazzjoni tikkuntrasta mhux ftit ma’ dawk minn bosta li kkritikawh, biex fil-fatt jipproteġu d-drittijiet tan-nisa.
Fuq quddiem kien hemm il-midja indipidenti. L-editur tal-gazzetta Times of Malta sostna li l-Kap Nazzjonalista għandu jagħmel apoloġija għad-diskors li għamel għax iddegrada d-diskussjoni importanti dwar l-emenda filwaqt li rewwaħ il-fjammi tal-estremiżmu f’pajjiżna.
Segwiet ukoll il-Maltatoday, li spjegat kif b’dak id-diskors il-Kap Nazzjonalista huwa ‘unfit for purpose’.
L-editur tat-Torċa wkoll ma ħallihiex lixxa lill-Kap Nazzjonalista, u ddeskriva d-diskors ta’ Grech bħala wieħed li baqa’ jikxef l-istess “attitudni u aġir ta’ min ilu s-snin jaħseb li jista’ jiddetta hu biss, anki jekk quddiem gil-ġudizzju tal-poplu baqa’ l-art.
Il-Moviment Graffiti, b’reazzjoni għad-diskors ta’ Grech li fih saħansitra żeblah lil Andrea Prudente b’kunjomha filwaqt li xeħet dubju fuq is-sitwazzjoni ta’ emerġenza medika li kienet tinsab fiha, talbet lil Grech jirriżenja.
Il-Malta Women’s Lobby, organizzazzjoni ċentrali li taħdem fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa, qalet li d-diskors li għamel fil-Parlament il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għandu effett li jkexkex u mhux aċċettabbli.
Anki l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza appellat biex l-esperjenzi tan-nisa li għaddew minn żminijiet ta’ sfida u ta’ uġigħ m’għandhom qatt jiġu ridikolati jew miċħuda iżda pjuttost mismugħa, rispettati, apprezzati u mogħtija l-kunsiderazzjoni xierqa.